Nofs miljun ewro f’fondi Ewropej ġew allokati bħala inċentiv biex aktar għaqdiet japplikaw għal proġetti li bihom ikunu jistgħu jkomplu jsaħħu l-identità kulturali Maltija.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt żjara fil-każin tas-Soċjeta Mużikali San Ġużepp f’Ħal Kirkop.
Fost il-25 għaqda minn diversi setturi li bbenefikaw mit-tieni miżura tal-programm LEADER fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta kien hemm is-Soċjeta Mużikali San Ġużepp ġewwa Ħal Kirkop.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi saħaq li l-Każin ta’ San Ġużepp f’Ħal Kirkop huwa eżempju ċar ta’ kif se nsaħħu l-identità fil-lokalijiet tagħna, sabiex inkomplu nżidu l-valur lokali. Ix-xogħlijiet li saru kienu infrastrutturali, hekk kif sar rinovar fuq il-faċċata ta’ dan il-każin, sabiex kif qal is-segretarju parlamentari, ikun hemm ambjent aktar sigur u attraenti għan-nies tal-lokal.
Dan filwaqt li s-sur Simon Attard, il-President, tas-Soċjetà Mużikali San Ġużepp saħaq li minn dan l-investiment se jkunu qed jibbenefikaw ukoll l-amministrazzjoni tas-soċjetà flimkien ma’ dawk li jirċievu servizzi relatati mal-mużika. Għaldaqstant, membri u persuni ta’ kull età qed igawdu l-frott ta’ dan il-proġett.