F’temp ta’ sena, il-Gvern ħareġ madwar żewġ miljun ewro f’sussidji lill-ħaddiema u lill-studenti Għawdxin li jaħdmu u jistudjaw f’Malta.
Dan il-finanzjament huwa mmirat apposta sabiex jittaffew il-piżijiet finanzjarji tal-Għawdxin li jaqsmu lejn Malta ta’ kuljum jew anke sabiex jikru appartament.
F’kumment ma’ One News, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega kif jitqassam dan is-sussidju.
Qal, “Ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta kif ukoll studenti li ovvjament iridu jaqsmu l-fliegu sabiex jistudjaw f’Malta, jingħataw ammont sostanzjali ta’ flus, fejn jidħlu l-istudenti jingħataw sussidju kull xahar għall-kera, u aktar minn hekk ukoll il-ħaddiema jkollhom sussidju kull sitt xhur u tħallas parti sostanzjali mill-ispiża tagħhom sabiex iwettqu l-ħidma fil-gżira ta’ Malta.”
Fis-sena akkademika li għaddiet, jiġifieri minn Ottbubru tas-sena l-oħra sa Ġunju ta’ din is-sena, 892 student ingħataw is-sussidju kull xahar. Bejniethom dawn ħadu €1,280,823.
Iċ-ċifri li kiseb ONE News mill-Ministeru għal Għawdex juru kif, 660 student minn dawn kienu jattendu fl-Università ta’ Malta, mitejn u tmien student ieħor kienu jattendu l-MCAST u 24 student f’istituzzjonijiet edukattivi oħra.
Student Għawdxi wieħed biss baqa’ jieħu s-sussidju tul ix-xhur tas-sajf peress li kompla bl-istudji tiegħu f’dawn il-ġimgħat.
Min-naħa l-oħra għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, 1,666 Għawdxi li ta’ kuljum jaqsmu l-fliegu għax-xogħol f’Malta, ħadu bejniethom aktar minn nofs miljun ewro.
Dan is-sussidju jkopri fost l-oħrajn l-ispejjeż tal-mezzi ta’ trasport biex jaslu fuq il-post tax-xogħol.
It-tieni pagament għat-tieni nofs tas-sena, se joħroġ f’Diċembru li ġej, u mistennija żieda fl-applikazzjonijiet.
Dan is-sussidju ta’ kull sena jkun inkluż fil-budget, u b’hekk il-Gvern żamm kellmtu mal-Għawdxin u wettaq miżura oħra.