Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, ħabbar li madwar 900 familja, li jirrappreżentaw 3,000 persuna, se jkunu qed jibbenefikaw minn żieda fil-benefiċċju tal-kera li se jogħla minn dan ix-xahar stess.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru ħabbar ukoll li, flimkien ma’ din iż-żieda, dawk kollha li preżentament qegħdin jikru r-residenza fejn jgħixu mhux se jkunu qed jirċievu inqas minn €125 fix-xahar bħala benefiċċju tal-kera.
Bit-titjib fil-benefiċċju, persuna, li qed tgħix waħedha, se tara l-għajnuna titla’ minn €3,600 għal €4,200 fis-sena, waqt li familja b’wild wieħed se tibda tieħu €5,400 minflok €4,800 u familja b’żewġ ulied jew aktar, se tgawdi minn żieda ta’ €1,000 u minn €5,000 se tibda tirċievi €6,000.
Il-Ministru Galdes fakkar kif din se tkun it-tieni żieda sostanzjali minn meta dan il-Gvern introduċa r-riforma fil-benefiċċju tal-kera fl-2019 u stqarr kif se tkun qed tgħin lil nies li jikru, jgħixu ħajja aħjar u ta’ kwalità wara li jħallsu l-kera.
Mal-mikrofonu ta’ ONE, il-Ministru stqarr li l-liġi tal-kera u r-riformi li qed isiru fis-settur iridu jibqgħu kontinwi u jsegwu mal-bidliet li qed iseħħu fl-ekonomija madwarna.
Qal, “Illum ħabbarna żidiet oħrajn lil min jgħix fis-settur tal-kirjiet privati, għax ċerti benefiċċji li qed jingħataw bħalissa se jkunu miżjudin b’ammont sostanzjali. Hemm min, pereżempju, se jieħu €500 issa, sussidju, għajnuna fix-xahar. Hi kważi pensjoni għal min qiegħed jgħix fil-kera biex b’hekk ma jġorrx il-piż waħdu u dak ifisser li l-Gvern Laburista dejjem jibqa’ viċin il-ħaddiema jgħin il-bżonnijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, stqarr kif l-affordabbiltà u l-istabbiltà fis-suq tal-kera, jimxu id f’id.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti, Emanuel Psaila.