L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, irċeviet madwar ħamsin applikazzjoni minn avukati u ’l fuq minn għoxrin oħra minn periti, wara sejħa mill-Istat biex jingħataw servizzi professjonali b’xejn lil ċittadini li jiġu affettwati minn siti ta’ kostruzzjoni.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, fi tweġiba Parlamentari għal mistoqsija li saret mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.
Il-Ministru Attard fakkar kif din is-sejħa għal dawn is-servizzi nħarġet ftit tal-ħin wara li ġie ppubblikat ir-rapport tal-Inkjesta Sofia.
Dr Attard sostna li dawn in-numri huma inkoraġġanti, għax anke juru li kien hemm interess mill-professjonisti li jixtiequ jagħtu tali servizzi liċ-ċittadini.
Spjega li bħalissa għaddejjin mill-proċess li jiġu evalwati l-applikazzjonijiet li ġew sottomessi biex, imbagħad, jintagħżlu dawk li se jkunu qed iservu fuq dan is-servizz ġdid offrut. Fakkar li dan is-servizz se jingħata mingħajr ħlas, hekk kif il-Gvern se jagħmel tajjeb għalih.
Il-Ministru temm jgħid li l-Gvern hu fiduċjuż li se jservi ta’ vuċi aktar b’saħħitha għal dawk li, sa qabel, kienu jsibuha diffiċli, ladarba jiġu biex jesprimu t-tħassib tagħhom fil-konfront ta’ dawk ferm aktar esperjenzati fis-settur.