Nicole Elysia u Yahya: tnejn minn mijiet ta’ tfal li għandhom bejn tmienja u għaxar snin li, wara l-ħin tal-iskola, jibbenefikaw mill-proġett bl-isem ta’ ‘Ikber Magħna’. Dan huwa proġett maħsub biex jgħin lit-tfal fil-homework u l-istudji tagħhom wara l-ħin tal-iskola filwaqt li jibnu ħiliet soċjali u kreattivi ma’ tfal oħra.
Il-programm ‘Ikber Magħna’ bdietu fl-2021 l-għaqda volontarja rikonoxxuta ‘Optimist Club of Malta’, li tagħmel parti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali Optimist. Il-missjoni ewlenija ta’ din l-organizzazzjoni hija li tassisti lill-oħrajn f’diversi reġjuni madwar id-dinja.
Il-proġett ‘Ikber Magħna’ qed jiġi offrut bla ħlas f’diversi lokalitajiet. Yahya u Nicole Elysia jipparteċipaw fiċ-ċentru ta’ Raħal Ġdid, u jkunu entużjasti ħafna biex jattendu.
“It-teachers jgħinuni ħafna bil-homework u, meta nlesti l-homework, inkun nista’ nilgħab bil-laptop.”
“Niġi hawnhekk għax it-teachers vera tajbin u jgħinuni nagħmel il-homework, u nagħmel ħafna ħbieb hawnhekk.”
L-Optimist Club of Malta joffri l-għajnuna bil-homework f’ħames lokalitajiet: il-Ħamrun, l-Imsida, Raħal Ġdid, il-Birgu u, issa, il-Marsa. It-tfal ikollhom żewġ sessjonijiet fil-ġimgħa, ta’ sagħtejn il-waħda.
Apparti mill-homework, l-istudenti jieħdu sehem fi proġetti u crafts li jibqgħu għaddejjin fil-btajjel tas-sajf.
Is-Segretarja tal-Optimist Club of Malta, Rita Micallef, spjegatilna li dan il-programm huwa miftuħ għal kulħadd u joffri opportunità unika biex it-tfal ikomplu jkabbru l-għarfien edukattiv tagħhom. Hija qaltilna ukoll li l-istudenti jaslu ħerqanin sabiex jaħdmu flimkien u jitgħallmu minn xulxin.
“Għandna tfal b’kulturi differenti, reliġjonijiet differenti, minn pajjiżi differenti. Allura nippruvaw li t-tfal jintegraw flimkien u jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin.”
Tkellimna wkoll ma’ wħud mill-koordinaturi li, b’mod volontarju, joffru l-ħin tagħhom biex jgħinu fl-edukazzjoni ta’ dawn it-tfal.
“Il-fatt li narahom jieħdu pjaċir flimkien, jitħalltu, jgħallmu lil xulxin ukoll – anke lingwi differenti hawn, u jieħdu pjaċir jgħallmu dik il-kelma jew oħra lil xulxin. Anke lili jgħallmu.”
“Ilni niġi hawnhekk minn Diċembru issa. Nieħu gost ħafna ngħin lit-tfal għax nara li jkunu ferħana, u li ngħinhom hija xi ħaġa sabiħa għalija, li qed nagħmel xi ħaġa tajba għas-soċjetà.”
“Jekk ikun hemm xi nies li huma interessati jew jixtiequ jgħinu lil dawn it-tfal bil-homework li jkollhom, anke ġieli xi crafts.”
Huma kellhom kliem ta’ tifħir għal dan il-programm u appellaw biex oħrajn jagħtu sehemhom fi programmi tal-volontarjat. Stqarrew li din hija esperjenza unika li timlik b’sodisfazzjon.