L-andament turistiku f’Għawdex fil-jiem tal-Għid il-Kbir kien pożittiv ferm, b’iktar minn ħamsa u erbgħin elf passiġġier qasmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex.
Żvela din iċ-ċifra ċ-Chairman tal-Kumpanija Gozo Channel, Joe Cordina, li qasam ma’ ONE News ċifri inkoraġġanti ta’ kemm qasmu nies il-fliegu ta’ bejn Malta u Għawdex fi żmien il-btajjel tal-Għid.
Huwa spjega li, fil-Ġimgħa Mqaddsa, speċifikament bejn l-Erbgħa u l-Ħadd, qasmu l-fliegu mal-45,000 passiġġier, l-erba’ vapuri tal-Gozo Channel jaħdmu kontinwament b’shuttle service.
Qal li dawn iċ-ċifri jfissru żieda ta’ tletin fil-mija iktar meta mqabbla maċ-ċifri tas-sena li għaddiet.
Joe Cordina qal li l-iktar ġurnata impenjattiva għall-ħaddiema tal-Gozo Channel kienet il-Ħamis, Ħamis ix-Xirka, meta qasmu l-fliegu iktar minn 11,200 passiġġier.
Intant il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, il-GTA, Joe Muscat, qal lil ONE News li l-ewwel sena meta l-festa tal-Għid il-Kbir setgħet tiġi ċċelebrata b’mod sħiħ mingħajr l-ebda restrizzjoni tal-pandemija, kienet suċċess fejn jidħlu l-okkupanza u n-negozju f’dan iż-żmien ta’ festi.
Stqarr, “Dan kien l-ewwel weekend tal-Ġimgħa Mqaddsa li ma kellna l-ebda restrizzjoni marbuta mal-pandemija u dan il-weekend l-okkupanza kienet tidher li hija tajba l-iktar mis-suq Malti. Ovvjament, kien hemm ukoll preżenza ta’ turisti barranin li jagħżlu dan iż-żmien tas-sena li jagħżlu li jqattgħu l-btajjel tagħhom fil-gżira Għawdxija. Qegħdin ninnutaw ukoll żieda f’dawk il-Maltin li għandhom it-tieni residenza tagħhom fil-gżira Għawdxija.”
Irrimarka li r-ristoranti kellhom reazzjoni pożittiva wkoll fejn jidħol l-andament turistiku, speċjalment dawk l-istabbilimenti li jbigħu ikel tradizzjonali.
Qal, “Kellna diversi ristoranti li kkummentaw b’mod pożittiv f’dawn il-ġranet tal-klijentela li kellhom, b’mod speċjali dawk marbuta mal-ikliet ta’ nhar Ħadd il-Għid. Anki dawk l-istabbilimenti li jbigħu ikel tipikament Għawdxi u Malti, bħalma huma ftajjar, qassatat, u hekk, ukoll rrapurtaw klijentela tajba ħafna f’dan il-perjodu.”