F’pajjiżna, huwa stmat li madwar 30,000 ħaddiema full-time u part-time qed jaħdmu f’lukandi, ristoranti, u servizzi oħra ta’ ospitalità matul l-istaġun tal-festi.
Dan ħareġ waqt żjara li għamel id-Deputat Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu Ian Borg, fil-lukanda Phoenicia fil-Furjana.
Hawnhekk iltaqa’ mal-impjegati u personalment irringrazzjahom ta’ xogħolhom, f’wieħed mill-aktar żminijiet impenjattivi tas-sena.
Id-Deputat Prim Ministru Borg esprima gratitudni għad-dedikazzjoni bla waqfien tal-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu u rrikonoxxa l-isforzi indispensabbli tagħhom biex jiżguraw li kemm ir-residenti kif ukoll it-turisti f’Malta u Għawdex igawdu lejlet l-Ewwel tas-Sena.
Sar enfasi fuq l-impenn tal-Gvern li jirrikonoxxi u jappoġġja lil dawk li għandhom rwol kritiku fl-istorja ta’ suċċess turistiku ta’ pajjiżna.
Preżenti wkoll kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef u rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Lukandi u r-Ristoranti.