Aktar minn elf u ħames mitt turist huma kkonfermati li ġejjin għal btala f’Malta fl-ewwel jum li pajjiżna se jkun qed jerġa’ jiftaħ l-ajruport internazzjonali.
Żvela dan ma’ dan l-istazzjon il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg, fejn spjega li dan in-numru ta’ turisti li ġejjin pajjiżna minn madwar ħmistax-il post fl-ewwel ta’ Lulju, mistenni jitla’ għal madwar 3,000.
Huwa stqarr: “Fl-ewwel ġurnata nafu s’issa li għandna ‘l fuq minn elf u ħames mitt turist li se jiġi lejn Malta u possibiliment dawn jitilgħu għal aktar minn 3,000 turist u allura rridu nkunu preparati qed naħdmu biex inkunu preparati biex flimkien ma tour operators u lukandiera flimkien mal-booking platforms nagħtu lil Malta dak l-impetus li għandha bżonn biex inġibu lit-turist lejn Malta.”
Johann Buttigieg saħaq li dan huwa bidu tajjeb għat-turiżmu Malti, wara li dan is-settur ħa daqqa kbira minħabba l-pandemija.
Huwa qal: “Huwa bidu tajjeb ħafna iġifieri ma konniex qed nistennew li attwalment fl-ewwel ġurnata propju jkollna incoming flights b’dan il-volum.”
Mill-1 ta’ Lulju l-linji tal-Ajru li joperaw fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ser ikunu qed itiru għal tlieta u għoxrin post. Biex imbagħad, mill-15 ta’ Lulju l-ajruport se jkun qed jiftaħ għall-bqija tad-destinazzjonijiet.
Il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta kienet ħabbret li ser tkun qed tiftaħ tnax-il destinazzjoni ġdida għall-bejgħ biex b’hekk dan is-sajf se tkun qed ittir lejn tnejn u għoxrin ajruport. Mill-ħmistax ta’ Lulju wkoll, il-linja tal-ajru se tibda ittir b’mod kummerċjali lejn Amsterdam, Brussell, Milan, Londra (Heathrow), Lisbona, Madrid, Palermo u Pariġi. Filwaqt li f’Awwissu, l-Air Malta sejra terġa’ tibda ttir lejn Manchester.
Min-naħa l-oħra f’dan il-jum storiku għal Malta, wieħed u tletin kamra tan-nar se jkunu qed jagħtu spettaklu ta’ nar tal-ajru li se jixgħelu s-sema f’Malta u f’Għawdex.