Il-Gvern se jkun qed jagħti l-in-work benefit b’mod awtomatiku lil dawk il-familji li huma eleġibbli għalih, mingħajr il-bżonn li jirreġistraw għalih.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon. Huwa qal li l-investiment addizzjonali ta’ dan il-benefiċċju se jkun ta’ €10 miljun.
B’hekk, l-investiment totali ta’ dan il-benefiċċju se jkun ta’ €17-il miljun.
Dan se jwassal biex il-familji li jikkwalifikaw għal dan il-benefiċċju se jitilgħu minn aktar minn 7,000 familji għal madwar 26,000 familja.
Huwa spjega li minn dan il-benefiċċju se jkunu qed igawdu wkoll madwar 29,000 tifel u tifla.
Il-Ministru Michael Falzon spjega li, minn issa ’l quddiem, il-familji m’għandhomx għalfejn japplikaw huma għal dan il-benefiċċju, li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Huwa fakkar li dan il-benefiċċju beda jingħata mill-gvern Laburista fl-2015 u minn dak iż-żmien ’l hawn kompla jiżdied.
Irrimarka li dan il-benefiċċju jinċentiva lill-familji sabiex jaħdmu, apparti l-miżura taċ-childcare b’xejn.
Huwa sostna li, permezz ta’ dawn iż-żewġ miżuri, fi żmien għaxar snin dawk fuq il-benefiċċju tal-qgħad naqsu b’91 fil-mija.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali spjega li l-Gvern, permezz tal-Budget ta’ din is-sena, kompla jwessa’ dan il-benefiċċju.
Għal koppji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu, il-limitu tela’ minn €35,000 għal €50,000, waqt li għal koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem, il-limitu tela’ minn €26,000 għal €35,000. Għal ġenituri waħidhom li jaħdmu, il-limitu tela’ minn €23,000 għal €35,000.
Il-Ministru Michael Falzon irrimarka li, permezz ta’ dan il-benefiċċju, il-ġid qed jinqasam mal-familji Maltin u Għawdxin. Huwa sostna li din il-miżura tagħmel parti mill-garanzija tat-tfal, li wiegħed il-Partit Laburista fil-manifest elettorali.
Qal, “Il-benefiċċju tal-in-work benefit, l-ewwel nett, kienet din l-amministrazzjoni li introduċietu; kienet din l-amministrazzjoni li żiditu għal darba, tnejn. Waqt li llum qed nitkellmu fuq spiża ta’ €7 miljun, mis-sena d-dieħla l-ispiża se titla għal €17-il miljun. Għaliex? Għaliex dan il-benefiċċju issa m’għandekx għalfejn tapplika għalih. Id-Dipartiment, flimkien mal-Kummissarju għat-Taxxi Interni, daħħalna sistema awtomatika u allura se jkunu 26,000 household illi se jibdew jibbenefikaw, ovvjament bl-eluf ta’ tfal kollha li jgħixu f’dawk l-istess households.”