Sal-aħħar ta’ Ġunju kienu madwar elfejn u sitt mitt first time buyer li rċivew l-għotja ta’ elf ewro, bħala parti mill-inizjattiva li se tagħti lil dawn il-persuni, fil-maġġoranza żgħażagħ, is-somma ta’ għaxart elef ewro fuq medda ta’ għaxar snin.
F’informazzjoni li ta riċentament fil-Parlament, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, spjega kif kienu madwar tlett elef u tlett mitt persuna li ssottomettew l-applikazzjoni għal din l-inizjattiva li hi wkoll wegħda elettorali fil-manifest ‘Malta Flimkien’.
Jirriżulta li kważi elf u sitt mija minnhom huma koppji, filwaqt li ftit aktar minn elf u seba’ mitt persuna huma individwi singoli.
Il-persuni li diġà rċivew l-ewwel pagament huma dawk li xtraw il-proprjetà tagħhom fl-2022, filwaqt li dawk li xtraw residenza mill-bidu ta’ din is-sena se jkunu qegħdin jirċievu l-ewwel pagament tagħhom is-sena d-dieħla.
Dan l-istazzjon tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, li stqarr kif dawk li applikaw qegħdin jgħaddu minn proċess sempliċi, iżda importanti għall-Awtorità tad-Djar biex tifhem aħjar ir-realtajiet u l-isfidi li jiffaċċjaw dawk li jridu jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom.
Qal,“Issa permezz ta’ din id-dejta ħa nkunu qegħdin nikkonfermaw dawk l-istess sfidi li jgħaddi minnhom il-first time buyer u r-realtà li teżisti fis-suq anke f’termini ta’ lokalitajiet, pereżempju.”
Matthew Zerafa innota kif, fost l-oħrajn, San Pawl il-Baħar hi l-aktar lokalità fejn jidħlu kirjiet u anke xiri. Dan ifisser li l-informazzjoni miġbura se tkun qed twassal għal inċentivi aktar immirati għall-ħtiġijiet tas-suq.
Qal, “Permezz ta’ din id-dejta issa se nkunu nistgħu nidħlu f’aktar dettal biex ninċentivaw għal dawn l-istess bżonnijiet u talbiet tal-profil tal-first time buyer.”
L-iskema tal-elf ewro fis-sena, issaħħaħ l-għajnuna lil first time buyers, wara l-introduzzjoni qabel ta’ benefiċċji oħrajn. Dawn jinkludu l-għotja ta’ ħmistax-il elf ewro għal min jixtri residenza f’Malta u tletin elf ewro f’Għawdex meta din tkun fil-qalba tal-ibliet u rħula, ilha iżjed minn 20 sena mibnija jew kienet abbandunata għal iżjed minn seba’ snin.
Minn din diġà gawdew iżjed minn 1,300 applikant.
Minbarra hekk, jirriżulta wkoll li fit-tnaqqis tat-taxxa tal-boll diġà ġew iffrankati aktar minn għaxar miljun ewro jew medja ta’ ftit inqas minn tmint elef ewro kull applikazzjoni.