Minn meta s-sistema tal-myhealth ġiet mibdula madwar sena u nofs ilu, il-persuni li jużawha żdiedu minn 1,000 għal kważi 25,000. Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt seminar għat-tobba tal-familja.
F’dan is-seminar it-tobba kienu murija l-vantaġġi tal-myhealth ġdida li qed tissejjaħ new generation myhealth. Ingħatat ukoll informazzjoni dwar servizzi ġodda li se jibdew jkunu disponibbli fuq in-next generation myhealthminn din is-sena.
Il-Ministru Chris Fearne qal li t-tobba tal-familja għandhom rwol importanti ferm fis-soċjetà u fis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna. Huma l-ewwel punt ta’ referiment li jkollu l-pazjent mas-sistema tas-saħħa u għalhekk in-new generation myhealth hija ntiża biex tqarreb aktar lejn xulxin lill-pazjent li jagħżel hu lit-tabib tal-familja tiegħu biex ikollu aċċess għat-testijiet u storja medika tiegħu. In-new generation myhealth qed tqarreb ukoll is-sistema tas-saħħa fl-isptarijiet tagħna mat-tabib tal-familja, biex fl-aħħar mill-aħħar tkun aktar aċċessibbli għall-pazjent.
“Id-digital health strategy tinsab fl-istadju finali tagħha. Din se tkun strateġija, li se tkun miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika, li se tara żvolta ġdida fil-qasam tas-saħħa għall-ġid tal-pazjent,” qal il-Ministru Fearne.
Intant fost servizzi futuri li se jkunu aċċessibbli fuq in-new generation myhealth hemm li t-tabib jista’ jordna direttament testijiet fil-laboratorju u anke X-Rays.