Eluf ta’ familji u persuni ta’ kull eta’ daħlu l-belt Valletta l-Ġimgħa filgħaxija biex jesperjenzaw għadd ta’ attivitajiet dwar ix-xjenza tal-European Researchers’ Night, Science in the City 2016. It-tema matul din il-5 edizzjoni kienet il-moħħ uman.
Hu stmat li madwar 25,000 persuna żaru dan il-festival annwali tax-xjenza li inkluda minn taħdidiet xjentifiċi, esperimenti interattivi, wirjiet u esperjenzi hands-on għal faċilita’ li bil-moħħ tikkontrolla mużika u ritratti, mind games u riċerka ġdida fin-newroxjenza. Il-festival kien mżewwaq ukoll b’mużika, żfin u teatru esperimentali, kollha ispirati mill-moħħ u l-intellett.
Iktar minn 60 riċerkatur u 200 student ħadu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Science in the City. Il-festival attira ukoll iktar minn 50 msieħba, inkluż numru ta’ NGOs, fosthom mis-settur tas-saħħa mentali.
Il-Prim Ministru u s-Sinjura Muscat żaru ż-żona tar-Riċerka dwar is-Saħħa u l-Mard Rari fejn in-National Alliance on Rare Disease u l-Malta Bio-Bank tellgħu l-wirjiet tagħhom.
Wirja li tesponi r-riċerka tal-Malta Neuro-Science Network u ta’ xjentisti oħra fin-newroloġija fl-Università ta’ Malta ser tibqa’ miftuħa fil-bini tal-Parlament sas-6 ta’ Ottubru. Il-wirja tiċċelebra wkoll il-kontribut fix-xjenza newroloġika ta’ erba’ personalitajiet Maltin, fosthom il-Professur Louis Vassallo, il-Professur George P. Xuereb, Dr Ludvic Zrinzo u l-Professur Edward deBono għax-xogħol pijunier li wettqu fix-xjenza tal-moħħ u fil-mard newroloġiku.