Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li madwar 220 immigrant li daħlu f’Malta fl-aħħar jiem fosthom id-49 immigranti li bħalissa jinsabu lil hinn mill-kosta Maltija, se jiġu rrilokati f’għadd ta’ pajjiżi Ewropew jew jintbagħatu lura lejn pajjiżhom.
Il-Prim Ministru Muscat ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja fejn ħabbar ukoll li d-49 immigranti fuq id-dgħajjes tal-NGOs se jiddaħħlu f’Malta biex eventalment jibda proċess immedjat biex jiġu rrilokati f’pajjiżi Ewroej.
Il-Prim Ministru qal li għal darb’oħra Malta, l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea ntalbet terfa’ r-responsabbiltà li jmorru lil hin mill-kompetenza tagħha. Qal li l-każ li jinvolvi ż-żewġ dgħajjes b’49 immigrant seħħu f’ibħra barra mir-responsabbiltà ta’ Malta u Malta ma kinitx l-eqreb port sigur.
Il-Prim Ministru qal li l-Kummissjoni Ewropea qablet li Malta ma kellhiex ir-responsabbilità legali għat-tfittxija u s-salvataġġ ta’ dawn iż-żewġ każijiet.
Qal li fuq dan il-prinċipju, tmien pajjiżi ewropej qablu li jieħdu l-immigranti fuq is-Sea Wathch. Qal li matul id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropew dwar din il-kriżi, Malta salvat 249 immigrant li ħajjtihom kienet fil-periklu. Qal li dawn il-missjonijiet seħħu f’ibħra li Malta kienet responsabbli għalihom. Qal li l-gvern argumenta li ma jagħmilx sens li l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà jiġi applikat biss f’każ fejn jingħalqu l-portijiet u membri stati li qed jaqdu d-doveri tagħhom jiġu injorati.
Għalhekk qal li b’sinjal ta’ rieda tajba, 131 immigranti se jiġu rrilokati. Qal li l-isforzi ta’ Malta qegħdin jiġu nnotati mill-Unjoni Ewropea u mill-membri tagħha. Aktar minn hekk qal li l-UE se tibgħat l-esperti tagħha biex jintbagħtu lura 44 immigrant ieħor mill-Bangladesh li kienu parti mill-grupp tal-249 immigrant li ġew salvati mill-Armata.
Dan ifisser li mill-249 immgirant li waslu f’Malta fl-aħħar jiem u 49 fuq iż-żewġ vapuri tal-NGOs, madwar 220 immigrant se jiġu rrilokati f’pajjiżi oħra Ewropej jew jiġu rripatrijati lejn pajjiżhom.
Il-Prim Ministru laqa’ dan il-ġest ta’ solidarjetà li Malta qed tmur lil hinn minn dak li hu mistenni minnha.
Ħabbar li l-pajjiżi membri li se jkunu qegħdin jieħu sehem f’dan il-ftehim ad hoc huma l-Ġermanja, Franza, il-Portugall, Irlanda, ir-Rumanija, Lussemburug u l-Italja.
Qal li l-membri stati li se jkunu qegħdin jieħdu sehem f’dan il-ftehim għarrfu lill-Kummissjoni Ewroepa bil-miktub fejn iddikajaraw b’mod ċar ir-rieda tagħhom li jieħdu sehem f’dan il-proċess.
Il-Prim Ministru ta ħajr lill-Kummissjoni Ewropea li kkordnat dan il-proċess. Qal li huwa ta’ sodisfazzjon li l-Kummissjoni qed tagħraf it-tħassib ta’ Malta u daħlet biex tagħti l-assistenza tagħha.
Il-Prim Ministru qal li l-operazzjoni biex id-49 immigrant jiżbarkaw f’Malta se tibda b’mod immedjat.
Qal li wara d-dgħajjes tal-NGOs se jintalbu jħallu t-territorju Malti b’mod immedjat wara li jitlesta t-trasferiment tal-immigranti.
Qal li Malta hija pajjiż żgħir ħafna u hija fin-natura tagħna li ngħinu lil min hu batut, iżda bħala Prim Ministru qal li kellu jħares l-interess nazzjonali u s-sigurtà ta’ pajjiżna.
Qal li dan il-każ m’għandux iservi ta’ preċdent u għandu l-assigurazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar dan.
Qal l-pajjiżi membri u l-NGOs għandhom jsegw r-regoli stabbiliti u mhux jaġixxu għal rashom u wara jistennew lil oħrajn biex isolvu l-problemi li joħolqu.