Fil-programm ‘XTRA’ fuql-istazzjon nazzjonali, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, elenka kif l-aħħar statistika turi li, sa nofs din is-sena, kien hemm 204 siti tal-kostruzzjoni li ġew ordnati jwaqqfu l-operat tagħhom wara żieda qawwija fl-inforzar.
Intervistat mill-preżentatur Saviour Balzan, Dr Attard qal li dan hu sinifikanti, iżjed u iżjed meta jitqabbel mas-sena li għaddiet kollha fejn kien hemm 22 sit simili li twaqqfu minħabba l-istess irregolaritajiet.
Qal, “Qed nara l-istatistika din is-sena, filwaqt li s-sena li għaddiet kien hemm 22 ordni biex jitwaqqaf ix-xogħol, din is-sena, li għadna f’nofsha, kien hemm 204. Kellek sitwazzjoni marbuta ma’ spezzjonijiet – illum għandek kważi d-doppju ta’ dak li medjament kien isir fis-snin passati. Jiġifieri l-impenn qiegħed hemmhekk Saviour, l-impenn qiegħed hemmhekk biex mhux biss inkomplu nwettqu riformi bla preċedent. U jiena mhux ngħid li nkunu reattivi, jiena ngħid li nirrispondu għal soċjetà li tinbidel minn żmien għal żmien.”
Il-Ministru Attard saħaq kif, mindu kiseb il-portafoll tar-riforma tas-settur tal-kostruzzjoni f’Jannar li għadda, hu nnota li kien hawn setturi li ma kinux irregolati sew u kien hemm oħrajn li kellhom liġijiet staġnati, b’uħud ilhom staġnati għal aktar minn 20 sena.
Fost it-tibdil imsemmi, il-Ministru Attard ħabbar li dan ix-xahar stess se jkunu qed jitniedu bosta servizzi bil-mira li jmorru iżjed lil hinn minn sempliċi spezzjonijiet.
Dawn l-inizjattivi se jkunu qed jindirizzaw il-ħsibijiet tal-pubbliku, b’mod partikolari dawk ir-residenti li huma milqutin b’mod dirett minħabba xi sit tal-bini li hemm maġenbhom.
Tenna, “Meta nressqu liġi importantissima, bħal dik tas-saħħa u s-sigurtà, irridu nassiguraw li mhux biex nirrispondu għall-esiġenzi tal-lum, imma li jkollna liġi li twassalna biex nirrispondu matul is-snin għall-esiġenzi li jqumu. Apparti minn hekk irrid nagħmel din l-enfasi, apparti dan l-aspett leġiżlattiv qed inżidu s-servizzi marbutin partikolarment mas-settur tal-kostruzzjoni, mal-għajnuna lejn it-terzi. Dan ix-xahar se jkolli l-okkażjoni li nniedi numru ta’ servizzi li jmorru lil hinn mill-inkjesta, imma wħud li joħorġu mill-inkjesta u hemm uħud li jmorru lil hinn mill-inkjesta u li jmorru lil hinn mill-impenn tagħna fil-manifest elettorali biex nassiguraw li nirrispondu għat-tħassib tan-nies, partikolarment ta’ dawk li jkunu qed jgħixu fil-kwiet ta’ darhom u jiġu, sfortunatament, suġġetti għal sitwazzjoni ta’ inkonvenjent mhux raġonevoli mis-settur tal-kostruzzjoni”.