Fl-aħħar tliet snin, l-Awtorità tad-Djar irriġenerat 270 blokka u madwar 2,000 appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali madwar Malta. Dan il-programm ta’ riġenerazzjoni sar b’investiment bla preċedent ta’ aktar minn €10 miljun u li jfisser li eluf ta’ familji qegħdin jgħixu f’ambjent ferm isbaħ u jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt żjara li għamel fiż-żona ta’ akkomodazzjoni soċjali magħrufa bħala L-Ispika li għaliha kienu preżenti is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila u s-Sindku ta’ San Ġwann, Trevor Fenech, f’San Ġwann. Fiż-żona bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fuq faċċati u bjut f’numru ta’ blokok. Il-Ministru Galdes rrimarka kif din is-sena, l-Awtorità tad-Djar investiet madwar €3 miljun biex ikunu rriġenerati 74 blokka li jammontaw għal madwar 480 appartament.
Qal, “Ninsabu hawnhekk fil-lokalita ta’ San Ġwann. Hanwhekk qed inżuru wkoll ix-xogħolijiet li saru fuq tisbieħ u riġenerazzjoni wkoll tal-blokki, tal-Housing Estate. Din is-sena biss erġajna investejna madwar 3 miljun ewro f’xogħlijiet ta’riġenerazzjoni f’San Ġwann u fi rħula oħra wkoll fejn lestejn madwar 79 blokka li jfisser ukoll li madwar 500 familja, 500 appartament ġew rinovati bl-għajnuna ta’ dan ix-xogħol li qed isir min-naħa tal-awtorità tad-djar.”