Ftit sigħat wara l-Inkurunazzjoni tar-Re Karlu III, ħareġ li din iċ-ċerimonja, li saret wara 70 sena, ġiet segwita minn madwar 20 miljun ruħ madwar ir-Renju Unit.
Fuq l-istazzjon pubbliku Brittaniku, il-BBC raw din iċ-ċerimonja tal-Inkurunazzjoni tar-Re Karlu u r-Reġina Camilla iżjed minn 14-il miljun ruħ.
Ta’ min jgħid ukoll li mhux kull stazzjon Brittaniku xandar din iċ-ċerimonja, hekk kif l-istazzjon Channel 4 xandar il-film “Johnny English Strikes Again” – b’dan rawh mal-138,000 ruħ.
Dan l-ammont ta’ segwaċi huwa ferm inqas minn dawk li raw il-funeral tar-Reġina Eliżabetta II, f’Settembru li għadda. Dan hekk kif hu stmat li fir-Renju Unit, dan il-funeral ġie segwit minn madwar 29 miljun ruħ.
Dawn in-numru xorta ma jaqbżux in-numru ta’ segwaċi li raw il-funeral tal-eks mara tar-Re Karlu, Lady Diana fl-1997. Dan hekk kif fir-Renju Unit biss, raw dan l-avveniment mal-31 miljun ruħ.