Madwar sbatax-il elf kumpanija u self employed gawdew mill-iskema tal-Covid Wage Supplement.
Ħabbret dan il-Ministru Miriam Dalli waqt il-programm “Taf x’Qed Jgħidu?!” hekk kif spjegat li nqabżet iċ-ċifra ta’ sitt mitt miljun ewro f’għoti ta’ Covid Wage Supplement.
Hija spjegat ukoll li għall-iskema tal-leave tal-kwarantina kien hemm ħmistax-il elf applikazzjoni.
“Ħriġna mal-miljun ewro f’teleworking biex kumpaniji jkun jista’ jkollhom faċilitajiet ta’ teleworking, ħriġna mat-€8.3 miljun fejn jidħol leave tal-kwarantina.”
Il-Ministru Dalli fl-istess programm semmiet ċifri relatati ma’ għajnuniet oħra li offriet il-Malta Enterprise tul il-pandemija.
Fil-fatt spjegat kif kien hemm tlett elef seba’ mija u wieħed u sittin benefiċċjarju li gawdew mill-ewwel rawnd ta’ għajnuna b’rabta mal-kirjiet fi żmien il-pandemija. Dan b’investiment ta’ madwar ħdax-il miljun ewro.
Madankollu għat-tieni rawnd ta’ għajnuna kien hemm biss elf tliet mija u sebgħa u sebgħin negozju li gawdew minn din l-għajnuna b’investiment ta’ madwar żewġ miljun ewro.
Fl-ewwel rawnd ta’ għajnuna f’dawk li għandhom x’jaqsmu kontijiet tad-dawl kien hemm kważi ħamest elef benefiċċjarju b’investiment ta’ ħames miljun ewro.
Intant il-Ministru Miriam Dalli tenniet li wara Diċembru l-Gvern se jkun qed jara li jibqa’ jassisti b’għajnuna speċifika.
“Wara Diċembru ħa nkunu qed naraw li nagħtu lill-kumpaniji dik l-għajnuna li jkollhom bżonn biex jiddiversifikaw u biex jikbru għax din kienet ukoll ix-xewqa tal-kumpaniji nfushom u dawk li jirrapreżentawhom. Ma xtaqniex sitwazzjoni fejn il-kumpaniji jkomplu jiddependu fuq il-Wage Supplement biss għal ħafna żmien.”
Il-programm ddiskuta wkoll l-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, fejn l-Inġinier Abigail Cutajar semmiet iż-żieda fl-użu rinovabbli.
“Mill-2013 biex nieħdu figura baseline konna nlaħħqu 15MGW, illum il-ġurnata għandna 200mgw f’enerġija rinovabbli. Dan ma jfissirx li ma rridux inħarsu ’l quddiem jiġifieri t-targets li kellna ta’ 2020 ilħaqnihom u eċċedejnihom imma ovjament irridu nkunu dejjem aktar ambizzjużi.”