Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, inawgura proġett ta’ riġenerazzjoni li sar fi 23 blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Ħamrun.
Dan il-proġett sar b’investiment ta’ ’l fuq minn miljun ewro u kien jikkonsisti, fost l-oħrajn, fit-tisbiħ tal-faċċati tal-blokok, fil-partijiet komuni u anke rinnovar tal-bjut.
Il-Ministru Galdes spjega li, minn dan ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni, qed igawdu mal-150 familja b’kollox, waqt li tkellem ukoll fuq l-importanza li, minbarra l-investiment f’postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli ġodda, tkompli ssir il-konservazzjoni tal-assi preżenti li għandu diġà l-Gvern biex jiġi żgurat li dawn jibqgħu joffru saqaf sigur u b’dinjità lill-benefiċċjarji.
Qal, “Dan l-investiment se jkompli jtejjeb il-komunità. Se jkompli jgħin anke mhux biss lill-kunsill lokali, flimkien ukoll mal-komunità tal-madwar, imma wkoll se nkomplu bi pjan biex raħal, raħal, lokalità, lokalità, inkunu qegħdin inwettqu dan l-akbar proġett ta’ riġenerazzjoni tal-oqsma tad-djar, tal-housing soċjali.”
Waqt iż-żjara, il-Ministru seta’ jinnota l-ħidma estensiva li saret fuq dawn il-blokok, li mhux biss tat dehra ġdida lill-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali fil-Ħamrun, iżda wkoll għamlet differenza fil-ħajja ta’ kuljum tal-familji kollha involuti.