Madwar ħdax-il elf tifel u tifla bdew jattendu għal tmien ġimgħat ta’ SkolaSajf bit-tema favur l-ambjent ‘Earth Heroes, Unite!’, fi tmienja u ħamsin ċentru madwar Malta u Għawdex.
Is-servizz ta’ SkolaSajf jingħata wkoll f’ħames ċentri ta’ riżorsa, fejn jattendu studenti li jkollhom diżabbiltà.
Hemm ukoll servizz estiż tas-sigħat ta’ filgħodu kmieni u waranofsinhar, propju għal dawk it-tfal li għandhom il-ġenituri li jaħdmu.
Dan is-servizz jingħata f’sitta u tletin minn dawn iċ-ċentri.
Fiż-żjara fiċ-ċentru ta’ Prembroke, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi Michael Bondin spjega li l-istudenti se jkollhom programm ta’ tagħlim informali.
Qal, “SkolaSajf li toffri lill-istudenti esperjenza differenti, mhux esperjenza ta’ tagħlim formali iżda informali, fejn hemm attivitajiet fejn l-istudenti jieħdu pjaċir jagħmlu dawn l-attivitajiet flimkien mal-playworkers u mal-ħaddiema kollha li l-FES timpjega magħha matul is-sajf.”
Fil-fatt spejga li għal SkolaSajf mal-FES jingħaqdu wkoll 50 entità mis-settur pubbliku, dak privat, kif ukoll NGOs li bi sħab mal-fondazzjoni jagħtu 172 sessjoni online, jikkoordinaw 431 żjara f’ċentri u wkoll 100 ħarġa, kollha marbuta mat-tema.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima spjega kif din is-sena issaħħew is-servizzi u għalhekk ġew impjegati aktar minn elfejn persuna li jinkludu fost l-oħrajn koordinaturi taċ-ċentri, playworkers u child support workers.
Qal, “Programmi li minflok tlett darbiet fil-ġimgħa se jkunu offruti ħames darbiet fil-ġimgħa sabiex wieħed jara li nkunu propju qed intejbu s-servizzi li konna qed noffru s-sena l-oħra, servizzi li din is-sena qed jolqtu aktar studenti u qed jinvolvu aktar nies. Tajjeb li ngħidu li l-FES qed tħaddem mal-2,000 ruħ li qed jagħtu l-kontribut tagħhom b’dawn in-numru ta’ programmi li huma ntiżi għat-tfal tagħna sabiex jitgħallmu fil-ġranet tas-sajf.”
Intant, din is-sena kien hemm ukoll żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet meta mqabbel mat-8,300 applikazzjoni tas-sena li għaddiet.