Madwar 1,000 attivist fil-qasam tax-xjenza minn madwar 50 pajjiż qed jiltaqgħu f’Malta għall-konferenza internazzjonali Ecsite, li huwa n-netwerk Ewropew ta’ ċentri u mużewijiet tax-xjenza.
Il-konferenza, li hija mifruxa fuq tlett ijiem, hija organizzata mill-Esplora Interactive Science Centre u qed issir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u fiċ-Ċentru Interattiv tal-Esplora fil-Kalkara. Fiha qed jipparteċipaw professjonisti u esperti li jaħdmu f’ċentri jew mużewijiet tax-xjenza u t-teknoloġija, entitajiet ta’ riċerka, festivals, universitajiet, u kumpaniji.
Fil-ftuħ uffiċjali tal-konferenza, il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza ta’ edukazzjoni inklussiva u ekwa, u wkoll li l-edukazzjoni tkompli taħdem fuq l-aspirazzjonijiet tal-istudenti b’rabta mal-ħtiġijiet tal-industrija u d-dinja tax-xogħol.
“Qed naħdmu ħalli noffru lill-istudenti l-opportunitajiet billi nħarsu wkoll lejn il-bżonnijiet tad-dinja tax-xogħol”, qal il-Ministru Grima. “B’hekk qed nagħtu importanza lis-suġġetti STEM u lil edukazzjoni li tħares b’mod ħolistiku lejn dak li qed naffaċċjaw fid-dinja tal-lum, fosthom dak li qed niddiskutu f’din il-konferenza: il-kriżi tal-klima u l-bijodiversità; il-miżinformazzjoni l-importanza tax-Xjenza; il-ħiliet imfittxija fis-seklu 21; inklużjoni u ekwità.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti osserva li, ta’ kull sena, l-investiment lokali fir-riċerka u l-innovazzjoni qiegħed dejjem jiżdied biex jinħolqu mhux biss aktar impjiegi, imma karrieri ta’ valur.
Indirizza wkoll il-Konferenza ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Tonio Portughese.
Preżenti wkoll għall-ftuħ kien hemm il-President tal-ECSITE, Bruno Maquart, li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li din is-sena l-konferenza qed tiġi organizzata f’Malta.
Dan l-avveniment se jservi ta’ vetrina għal riċerka, bl-aħħar żviluppi fl-impenn xjentifiku permezz ta’ sessjonijiet dinamiċi, dibattiti, u workshops. Il-programm joffri għażla vasta ta’ iżjed minn 80 sessjoni minn iktar minn 300 kelliem fuq suġġetti fosthom il-bijodiversità u l-kriżi tal-klima, l-ekwità u l-inklużjoni, il-ħiliet tas-seklu 21 u l-informazzjoni mhux preċiża.
Fost il-kelliema ta’ livell internazzjonali li se jagħtu sehemhom fil-konfereneza ECSITE, hemm Dr Lauren Vargas, li hija riċerkatriċi indipendenti u konsulenta, kif ukoll Rob Hopkins, li huwa awtur, podcaster u kofundatur tat-Transition Network.