F’Malta, huwa stmat li ftit aktar minn għaxra fil-mija tal-popolazzjoni, jiġifieri madwar erbgħin elf persuna, għandhom id-dijabete.
Din il-kundizzjoni kienet iċ-ċentru tad-diskussjoni f’konferenza mtella’ mill-Assoċċjazzjoni Maltija għad-Dijabete, fil-mitt sena mill-iskopertà tal-insulina.
Hawnhekk ġie nnutat li huma mal-mija u sittin miljun persuna fl-Ewropa li jbatu mid-dijabete; kundizzjoni li taffettwa persuni ta’ kull età.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Professur Stephen Fava saħaq fuq l-importanza tal-prevenzjoni.
Qal, “L-iktar ħaġa importanti biex tevita hija l-istil tal-ħajja. Hemm fatturi oħra bħal dawk ġenetiċi imma dawk ma nistgħu nagħmlu xejn fuqhom, imma l-lifestyle hija xi ħaġa importanti ħafna għax nafu li d-dijabete hija relatata ħafna ma’ piż żejjed, obeżità u t-tip t’ikel li mhux tajjeb għas-saħħa bħal xaħmijiet, kaloriji żejda u ħafna ħelu, kif ukoll nuqqas t’eżerċizzju. Allura importanti li naddottaw ħajja ta’ saħħa qabel ma jkollna d-dijabete idealment.”
Il-President tal-Assoċjazjoni Maltija għad-Dijabete, Chris Delicata, sostna li anke jekk wieħed ikollu d-dijabete, xorta hemm tama għal kwalità ta’ ħajja tajba.
Spjega, “L-appell tiegħi hu li meta int tħoss li għandek is-sintomi, ma tistax toqgħod rieqed u ma tagħmel xejn, trid tieħu l-pariri li għandek tieħu biex jekk għandek il-kundizzjoni tad-dijabete, jiġi trattat minnufih u tista’ tgħix ħajja normali.”