Ħarset id-dinja kienet fuq il-Vatikan, eżattament fil-mument li l-mara li serqet qlub bosta għal ħidma li wettqet mal-foqra saret qaddisa.
Madre Tereza ta’ Kalkatta issa saret Santa Tereza ta’ Kalkatta.
‘Nilqgħuha mal-familja tal-qaddisin kollha u għandha tkun meqjusa hekk mill-Knisja kollha’ qal il-Papa Franġisku fil-mument li Madre Tereza saret qaddisa.
Il-Papa Franġisku iddeskriva lil Madre Tereza bħala figura t’eżempju għal bosta nisa, ħaddiema li ħadmet qatigħ għall-ħniena u li tista’ tkun ta’ mudell għall-qdusija.
Kien wara żewġ mirakli li saru bl-interċessjoni tagħha li Madre Tereza bdiet it-triq tal-kanonizzazzjoni. Miraklu minnhom kien ta’ mara Indjana li kellha tumur fl-istonku u li fieqet minnu.
Il-kanonizzazzjoni ta’ Madre Tereza qed tkun meqjusa bħala l-qofol tas-sena tal-ħniena li qed tiċċelebra l-knisja.
Għaċ-ċerimonja attendew eluf ta’ pellegrini, mijiet ta’ missjunarji u sorijiet tal-karita, kif ukoll tlettax-il kap ta’ stat u elf u ħames mitt Taljan li mgħandhomx saqaf fuq rashom li ngħataw siġġijiet tal-unuri waqt iċ-ċelebrazzjoni li saret fil-Pjazza tal-Vatikan.
Wara ngħataw pizza li saret minn mitejn u ħamsin patrijiet u sorijiet.
Pellegrina li kienet fuq il-post iddeskriviet lil qaddisa Madre Tereza bħala mara li tat qalbha lid-dinja permezz ta’ atti ta’ maħfra, xogħol li għamlet u ħniena. B’qalb t’omm lejn il-foqra.
Madre Tereza tibqa’ magħrufa għat-twaqqif tal-Missjunarji għall-karita li llum jaħdmu f’dsatax-il dar u li rebħet il-premju nobel għall-paċi.
Anke jekk kienet maħbuba minn ħafna kellha wkoll kritiċi fosthom għax jingħad li kienet taċċetta flus mingħand dittaturi biex tkun tista tkompli b’ħidmietha.
Santa Tereza ta’ Kalkutta tibqa’ magħrufa għall-imħabba tagħha lejn il-proxxmu u għal diskorsi u frażijiet ta’ tama fosthom kienet Santa Tereza ta’ Kalkutta li qalet ‘ Mhux kulħadd jista’ jagħmel affarijiet kbar imma nistgħu naghmlu affarijiet żgħar b’ħafna mħabba. ‘