Il-kantanta ta’ fama u popolarità mondjali li għandha 66 sena Madonna, f’kitba fuq Instagram, qalet li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienet iffaċċjat lil Elton John u għamlu paċi.
Sir Elton John, li llum għandu 78 sena, sa mill-2004, kemm-il darba akkuża lil Madonna li mhux veru tkun qed tkanta iżda ċċaqlaq ħalqha għad-diski bir-risposta tagħha kienet li hi ma kinitx tqatta’ l-ħin tagħha tħammeġ artisti oħra.
Iż-żewġ leġġendi tal-mużika rnexxielhom jirrikonċiljaw nhar is-Sibt meta Madonna marret tikkonfronta lil Elton John wara li kien għadu kemm esebixxa fuq il-programm Saturday Night Live. Hi qalet li l-ewwel kelma tiegħu lejha kienet “aħfirli” u minn hemm solvew kollox.
Hija ammettiet li minn mindu kienet tifla żgħira kienet ammirattriċi ta’ Elton John u l-esebizzjonijiet tiegħu fuq il-palk bidlulha ħajjitha. Tenniet li kienet verament imweġġa’ u ma setatx tifhem kif xi ħadd li tant kienet tammira kien qasam pubblikament id-disprezz tiegħu lejha bħala artista.
Fl-2004, Elton John kien irredikola n-nominazzjoni ta’ Madonna fil-kategorija tal-Best Live Act fil-Q Awards billi uża lingwaġġ baxx. Hu kien staqsa “Minn meta lip syncing sar live?”, fejn żied ukoll “li kull min ma jkantax live fuq palk, meta hemm nies qed iħallsu flejjes biex jarawhom, għandhom jisparawlu”.
It-tim ta’ Madonna dejjem innega dawn l-allegazzjonijiet.
Sir Elton John kien żied fil-kritika tieħu lejha matul is-snin u waqt il-Golden Globe Awards tal-2012 għall-aqwa diska oriġinali, kien saħansitra qal li Madonna ma kellix ċans kontrih. Hekk kif Madonna ġabret l-unur għad-diska ‘Masterpiece”, lill-ġurnalisti qaltilhom li kienet tittama li Sir Elton kien ikellimha fis-snin segwenti.
Fil-kitba tagħha fuq il-pjattaforma soċjali, Madonna tat x’tifhem li jista’ jkun li din ir-rikonċiljazzjoni se twassal għal sħubija mużikali hekk kif qalet li kien kitbilha diska u riedha tikkolabora.
B’risposta għal dan kollu, Sir Elton John irringrazzja lil Madonna talli ħafritlu. Huwa żied jgħid li ma kienx kburi għal dak kollu li kien qal dwarha matul is-snin speċjalment meta wieħed iqis it-tragwardi kbar li laħqet fejn wittiet it-triq għall-ġenerazzjoni sħiħa ta’ artisti nisa biex jirnexxu.