Wara biss sitt ġimgħat, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ġabar xejn inqas minn disgħin elf risposta bħala parti mill-eżerċizzju nazzjonali li jinsab għaddej, biex l-istess Uffiċċju jkollu stampa ċara tal-ħiliet u l-kwalifika fost il-popolazzjoni li taħdem f’pajjiżna.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, waqt id-diskussjoni fil-Parlament tal-estimi tal-Ministeru.
“L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rnexxielu jiġbor xejn inqas minn disgħin elf risposta, li fihom għandu biżżejjed informazzjoni sabiex ikun jista’ jibda jiġbor il-ħidma tiegħu ħalli mbagħad, minn hemmhekk, nimxu għat-tieni stadju.”
Intant, fost id-deputati li tkellmu waqt din id-diskussjoni kien hemm Omar Farrugia, li nnota kif suppost fuq is-siġġijiet tal-Oppożizzjoni hemm Gvern alternattiv, iżda l-Oppożizzjoni mhi toffri ebda soluzzjonijiet alternattivi.
“Id-dokument ta’ qabel il-Budget tal-Partit Nazzjonalista jgħid li l-Gvern berbaq il-flus mill-Budget. Jien naħseb li intom kontu tberbquhom qabel ma jasal il-budget għax kontu tħallu lil kulħadd niexef minn kull fond ta’ investiment.”
Min-naħa tagħha, id-deputat Laburista Cressida Galea nnotat kif, b’dak li ħabbar il-Ministru Clyde Caruana f’jum il-Budget, qed tingħata ċertezza u stabilità għall-ekonomija.
“Pajjiżi fl-Ewropa llum qed jagħmlu dak li Malta għamlet fil-bidu nett ta’ sfidi esterni u r-riżultat tad-deċiżjonijiet differenti wasslu sabiex illum għandna l-Ewropa li qiegħda fit-triq lejn riċessjoni mentri Malta qed tkompli tirreġistra tkabbir ekonomiku.”
Id-Deputat Carmelo Abela fakkar li l-Budget għas-sena d-dieħla jrid jittieħed f’kuntest ta’ dak li qed jiġri fix-xena internazzjonali.
“Dak li qed jiġri madwarna jaffettwa lilna wkoll u, minkejja kollox, pajjiżna se jibqa’ b’saħħtu, u se jibqa’ b’saħħtu grazzi għall-interventi li qed jagħmel il-Gvern. Mhux ta’ b’xejn li nitkellmu fuq ċertezza u stabbiltà għax dak li ksibna fil-passat u dak li qed jiġi mbassar għas-snin li ġejjin, se nkomplu nibnu pajjiż u poplu b’saħħtu f’ċirkostanzi ta’ sfidi kbar.”