Il-Victim Support Agency, li fetħet il-bibien tagħha tliet snin ilu, kienet ta’ sostenn lil madwar disat elef persuna li sfaw vittmi ta’ reati kriminali, permezz tal-għajnuna tagħha, li tinkludi gwida, appoġġ emozzjonali u anke pariri legali.
F’diskussjoni informali li kellu ma’ numru ta’ persuni li użaw is-servizzi tal-aġenzija, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, sostna li diskussjonijiet bħal dawn huma importanti biex is-servizz ikompli jissaħħaħ.
Fost il-persuni li ngħataw tali servizzi kruċjali inkludew uħud mill-vittmi ta’ vjolenza domestika. Waħda minn dawn stqarret id-differenza li qegħda tagħmel l-Aġenzija Victim Support fost il-vittmi.
“Jien meta ġejt hawn, għalija sibt it-tieni dar tiegħi. Laqgħuni ħafna fil-Victim Support Agency. Tlabtom l-għajnuna u sibt għajnuna kbira u appoġġ kbir. Dħalt persuna li kont vera mweġġa’ u mkissra u ħriġt minn hawn totalment differenti.”
Gruppi terapewtiċi, magħmulin minn profesjonisti, jidħlu aktar fil-fond emozzjonali tal-esperjenza li jkunu ġarrbu l-vittmi, liema professjonisti jakkumpanjawhom meta jkunu se jixhdu fil-Qorti biex ikollhom l-appoġġ kollu meħtieġ.
Ir-rwol ta’ din l-aġenzija hu li, ladarba jsir rapport lill-Pulizija, hi tagħmel kuntatt mal-persuna minnufih biex tibda tingħata l-għajnuna meħtieġa. Appena l-vittma taċċetta tali għajnuna, il-professjonisti jfasslulha programm ta’ terapija b’laqgħat ma’ councillors li jsiru b’mod kunfidenzjali.
Vittma oħra, li qasmet il-ħsieb tagħha, saħqet li din l-ħidma mhux biss tgħinek tfieq momentarjament, iżda tgħinek tibni ħajja ġdida.
“Meta ġejt hawn sibt min jgħinni ħafna, laqgħuni u tawni dak kollu li kelli bżonn. Il-fatt li kont niġi hawn u nitkellem u ngħid l-esperjenza tiegħi u noħroġ l-emozzjoni tiegħi għenuni nimxi u llum almenu għandi triq quddiemi … xorta għadha iebsa, però naf li t-triq ’il quddiem hi aħjar milli għaddejt”.
Il-Ministru Camilleri sostna li l-ħidma tal-aġenzija wasslet biex hi stess qed tavviċina lill-vittmi tal-kriminalità u dan juri l-ħidma li qed twettaq fis-settur.
Hu fakkar f’servizzi oħrajn, li qegħdin jiġu offruti, fosthom il-Gender-Based Domestic Violence Unit f’Santa Luċija, li hu l-ewwel hub għall-vittmi b’sostenn multidixxiplinarji li beda erba’ snin ilu, waqt li tenna li l-impenn tal-Gvern hu dak li jsaħħaħ iżjed tali servizzi għall-ġid tal-komunità.