Madwar disat elef persuna kuljum żaru t-tielet edizzjoni ta’ ‘Christmas in the Park’, li saret fil-Park Nazzjonali tas-Salini.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministru għall-Ambjent, li organizza din l-attività f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
Fost l-attrazzjonijiet li kien hemm matul din l-attività kien hemm presepju ħaj, Santa Klaws u krafts tal-Milied, li ġibdu l-interess ta’ bosta, speċjalment tfal.
Din l-attività li kienet sal-Ħadd li għadda kienet ikbar mis-snin preċedenti, b’dawk li żaru din l-attività kellhom ċans isegwu spettaklu minn kantanti, bands u korijiet tat-tfal.
Il-viżitaturi f’atmosfera mill-isbaħ tal-Milied kellhom l-opportunità li jsiru jafu aktar kif jistgħu jkunu aktar sostenibbli f’dawn il-festi u fil-ħajja ta’ kuljum.
F’din l-istqarrija, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet li attivitajiet bħal dawn jagħtu opportunitajiet lill-familji jersqu viċin l-ispazji miftuħa li għandna f’pajjiżna.