L-internet ilu magħna għal diversi snin issa u llum teżisti ġenerazzjoni sħiħa li twieldet, trabbiet u ma tafx x’jiġifieri l-ħajja mingħajr din l-għodda teknoloġika.
B’għafsa ta’ buttuna, kulħadd għandu baħar ta’ opportunitajiet biex jitgħallem, jiskopri, jinteraġixxi u joħloq affarjiet ġodda. Iżda, bħal f’kollox fil-ħajja, mhux kulma jleqq huwa deheb.
Kull min ikun online, l-aktar tfal li lanqas jagħrfu l-ħażen, jispiċċaw iħabbtu wiċċhom ma’ riskji ta’ kull xorta.
Fil-jum internazzjonali ddedikat għal aktar għarfien dwar il-perikli li jeżistu fuq l-internet, ONE News tkellem ma’ Deborah Vassallo, kordinatriċi tas-Safer Internet Centre ta’ Malta, li jaqa’ taħt il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS.
Vassallo qaltilna li, permezz tal-be smart online u l-helpline li hi estensjoni tan-numru 179, jidħlu diversi rapporti.
“Fis-sena 2023, kellna 893 calls li jidħlu fuq online abuse. Is-cyberbullying ġeneralment hu dejjem the top bħala statistika. L-iktar li niltaqgħu bħala etajiet qisu bejn it-13 u s-16-il sena li kieku kellna nitkellmu fuq etajiet ta’ tfal”.
Deborah Vassallo, Kordinatriċi, Safer Internet Centre
Mandankollu, jirriżulta li l-fondazzjoni tirċievi diversi telefonati minn ġenituri u għalliema, anke każi ta’ tfal li għadhom il-Primarja. Dan minħabba l-aċċess li t-tfal qed ikollhom regolarment għall-internet.
Deborah Vassallo ukoll qasmet magħna storja li ffaċċjat l-FSWS wara li għalliema irrapportat każ.
“It-tfajla kienet tkellmet dwar sitwazzjoni vulnerabbli li kellha d-dar u dawk in-nies stess li fetħet qalbha magħhom kienu qegħdin jużaw dawn il-fake profiles biex jgħajruha u jwaqqgħuha down.”
Deborah Vassallo, Kordinatriċi, Safer Internet Centre
Iżda l-każ ma jiqafx hawn. It-tfalja tibda anke tiġi instigata biex tweġġa’ lilha nnifisha, iżda pronta kienet l-għajnuna tal-fondazzjoni.
It-tema għal din is-sena f’dan il-jum internazzjonali hi ‘Ilkoll Flimkien għal Internet Aħjar’, għax kulħadd flimkien hu responsabbli biex ikollna internet sigur u aħjar.
Vassallo enfasizzat li, biex jitakkar dan il-jum, fl-iskejjel kollha tqassam vidjoq biex jiġu spjegati l-għodod neċessarji dwar internet sigur. Minbarra hekk, fl-14 ta’ Frar quddiem il-Parlament, l-FSWS se tkun qed tqassam riżorsi u tispjega l-ħidma tagħha f’dan ir-rigward.