Terz tal-proprjetà li fl-aħħar tmienja u għoxrin sena għaddiet mingħand il-Knisja għal għand il-Gvern, li jgħoddu għal madwar dsatax-il elf art, għaddew minn proċess rigoruż u jinsabu rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet.
F’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem żjara li għamel il-Ministru Silvio Schembri fl-Uffiċċju Konġunt fil-Belt, ġie spjegat ix-xogħol li jagħmel dan l-uffiċċju, li twaqqaf fl-elf disa’ mija u tlieta u disgħin wara ftehim bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede.
Id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Konġunt, Duncan Mifsud, qal li l-proprjetajiet li għaddew mingħand il-Knisja għall-Gvern fl-aħħar tmienja u għoxrin sena, jgħoddu għal ħamsa u sittin elf, u l-proċess biex jitniżżlu fir-reġistru tal-artijiet huwa wieħed elaborat, fejn isiru l-verifiki neċċessarji ma’ xejn inqas minn mija u sebgħa u għoxrin entità ekkleżjastika.
Qal, “L-entitajiet Ekkleżjastiċi kienu għaddew il-proprjetajiet kollha li ma kinux se jużawhom għal skop pastorali għand il-Gvern ta’ Malta u dan l-uffiċċju kien twaqqaf bl-istess konkordat biex jamministra dawn il-proprjetajiet kollha li kien għadda permezz ta’ dan il-ftehim.”
Fl-ewwel żjara uffiċjali mindu l-operat ta’ dan l-uffiċċju waqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri semma skema tal-Gvern f’Ottubru tal-elfejn u dsatax biex ikun mifdi ċens temporanju.
Għal din l-iskema, li ma kellhiex data tal-għeluq, irċeviet aktar minn elf u mitt applikazzjoni, b’aktar minn tliet mija minnhom ġew proċessati.
Spjega, “Nistgħu ngħidu li sa qabel din l-iskema, kellek sitwazzjoni fejn dawk li kienu joqogħdu f’residenzi li mhumhiex tal-kumitat konġunt imma housing jew proprjetajiet oħrajn, setgħu jieħdu ċ-ċens, imma dawk li kienu tal-kumitat konġunt ma setgħux u allura kellek żewġ klassifikazzjoni ta’ nies u grazzi għal din l-iskema, din l-inġustizzja tneħħiet u llum anki dawk li għandhom proprjetà tal-kumitat konġunt jistgħu jifdu ċ-ċens tagħhom.”
Il-Ministru qal li bil-għan li tiżdied l-effiċjenza, hemm il-ħsieb li jiżdied l-użu tat-teknoloġija u jissaħħu r-riżorsi b’aktar minn ħamsin fil-mija.
Qal, “Ix-xogħol li qed isir tajjeb minn dan l-uffiċċju, nemmen li anki grazzi kemm għall-introduzzjoni ta’ aktar teknoloġija kif ukoll l-introduzzjoni ta’ iktar human resources, nistgħu nipproċessaw ħafna iktar applikazzjonijiet ħalli fl-aħħar mill-aħħar, il-familji Maltin u Għawdxin jinqdew iktar malajr.”