- MAŻ-ŻIEDA FIL-KUNFLITT TWARRAB IL-ĦSIEB TA’ AVVENIMENT SOĊJALI BIEX JURU L-GĦAQDA
Sa kafè waslu. L-erba’ kandidati li lbieraħ kienu qed jikkontestaw l-ewwel rawnd għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista ma waslux biex jorganizzaw attività tal-aħħar tal-kampanja elettorali flimkien. Dan anke jekk kien hemm proposta biex isir dan.
Il-ħsieb oriġinali kien li l-attività soċjali ssir fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u għaliha jkunu mistednin il-membri tal-Kunsill Ġenerali bħalma ġara meta qabel l-aħħar elezzjoni għall-Kap kienet saret attività f’Ta’ Qali.
Dakinhar kienu attendew flimkien Simon Busuttil, Mario De Marco, Francis Zammit Dimech u Ray Bugeja. Iżda, il-mod maħmuġ kif qed issir din il-kampanja, li għandha twassal għal kap fis-16 ta’ Settembru, ma ħalliex possibbli li din id-darba jsir l-istess. Fil-fatt il-ħsieb, li saħansitra kien kiteb fuqu Chris Said fuq Facebook, twarrab għalkollox b’dawk li fil-Partit Nazzjonalista jieħdu d-deċiżjonijiet beżgħu li seta’ jkun hemm dik li sejħu “farsa.”
B’hekk il-kandidati waslu biss biex ħadu kafè fil-bidu tal-kampanja meta l-atmosfera diġà xejn ma kienet tajba, bi Frank Psaila, attivist prominenti tal-PN, kien kiteb ftit wara li aħjar irażżnu lin-nies tagħhom.
Wara x-xeni ta’ nhar it-Tnejn quddiem id-Dar Ċentrali, internament intqal li mnalla sar hekk. U fil-fatt dan kompla jkun ikkonfermat fit-tieni dibattitu fejn ma naqsux il-botti lejn xulxin mill-erba’ kandidati.
Fid-dibattitu qatt ma semmew lil xulxin b’isimhom imma l-messaġġi kienu ċari ħafna. Chris Said attakka lil Adrian Delia meta fost oħrajn qal li jeżisti l-establishment ta’ Kastilja biss. Biex prova jġib fix-xejn l-argument ta’ Delia li l-establishment tal-Partit Nazzjonalista hu kontra tiegħu. Qal ukoll li lilu qatt ma kien hemm kuntratturi li tawh il-flus, botta ċara għal Delia u r-rabtiet tiegħu fiċ-ċrieki tan-negozju. Għalkemm Said ma ħelishiex lanqas, bi Frank Portelli jfakkru kif hu kien parti mill-Kabinett ta’ Gonzi li ħa l-€500 żieda fil-ġimgħa.