Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali intqal kif wara diversi allegazzjonijiet fuq il-midja soċjali, il-Ġimgħa wara nofsinhar, tim magħmul minn Pulizija, u minn uffiċjali mid-Direttorat tas-Servizzi Veterinarji u d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali għamlu spezzjoni f’diversi siti f’Għawdex b’rabta ma’ allegazzjonijiet dwar produzzjoni illegali taz-zalzett.
Waqt l-istess spezzjonijiet ma nstabet l-ebda evidenza jew tagħmir relatat mal-produzzjoni illegali taz-zalzett. Id-Direttorat tas-Servizzi Veterinarji u d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali jwettqu spezzjonijiet ta’ din ix-xorta b’mod regolari fuq stabbilimenti awtorizzati sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel.
Aktar investigazzjonijiet b’rabta mal-allegazzjonijiet fuq il-każ imsemmi għadhom għaddejin, bħalma jiġri f’kull każ b’rabta mas-sigurtà tal-ikel jew abbuż tal-annimali. Ġie sostnut ukoll kif huwa importanti wkoll li l-konsumatur jagħmel biss użu minn stabbilimenti awtorizzati u jkun żgur li l-prodotti jkollhom it-tikkettar meħtieġ.
L-istqarrija temmet tappella biex il-pubbliku jibqa’ jirrapporta illegalitajiet filwaqt li għandhom jiġu evitati rapporti foloz li jistgħu jitfgħu dell ikrah fuq l-ikel Malti u x-xogħol siewi tal-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin.