Minkejja ċ-ċertifikati pożittivi li qed jikseb pajjiżna mill-entitajiet ewlenin internazzjonali, l-Oppożizzjoni qed tagħżel li tibqa’ tirrikorri għall-attakki frontali fuq l-istituzzjonijiet Kostituzzjonali ta’ pajjiżna biex tipprova timmina programmi li qed jattiraw investimenti bla preċedent għall-ġid tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Dan osservah fi stqarrija l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
L-IIP huwa l-uniku programm ta’ ċittadinanza approvat mill-Kummissjoni Ewropea u huwa mħares minn regolatur indipendenti maqbul bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra. L-istqarrija tfakkar li d-dħul iġġenerat minnu qed imur f’fond nazzjonali ta’ żvilupp soċjali mmexxi mill-eks President tal-Kamra tal-Kummerċ u se jissarraf fi proġetti ambizzjużi għall-familji kollha.
L-Oppożizzjoni taf li, skont il-liġijiet ta’ pajjiżna, kull min jikseb iċ-ċittadinanza Maltija għandu dritt jitlob li ismu jitqiegħed fuq ir-reġistru elettorali ġaladarba jissodisfa dak mitlub mill-Kostituzzjoni. Hija l-Kummissjoni Elettorali, li hija organu Kostituzzjonali rispettat u li jattira l-fiduċja tal-pubbliku, li tirregola dan il-proċess u ebda entità oħra.
F’każ li xi ħadd, inklużi l-partiti politiċi, iħoss li xi persuna Maltija tqiegħdet mill-Kummissjoni Elettorali fuq ir-reġistru elettorali meta ma kellhiex titqiegħed, dan għandu dritt jagħmel talba lill-Qorti biex l-isem jitneħħa minn fuq ir-reġistru elettorali. Il-Kummissjoni tagħmel ukoll verifiki ulterjuri. Dak li eventwalment tiddeċiedi l-Qorti jiġi obdut bla riservi.
M’hemm ebda skandlu u m’hemm ebda korruzzjoni, tgħid l-istqarrija. Hemm biss Oppożizzjoni li ma’ kull opportunità tiftaħ il-kanuni fuq l-istituzzjonijiet ewlenin f’pajjiżna, biex tipprova tagħmel ħsara lill- programmi li huma suċċess.