Ħajti kienet iddur mal-ordnijiet tiegħu. Ridt inkun perfetta, kif iridni hu. Mal-ewwel żball, kien ikun hemm il-konsegwenzi.
Kliem vittma ta’ vjolenza domestika li sena ilu għamlet kuraġġ u fittxet l-għajnuna.
Għalkemm xtaqet tibqa’ anonima, il-mara qasmet l-esperjenza li għaddiet minnha fid-dettall, biex tqajjem kuxjenza u tagħti kuraġġ lil min jista’ jkun għaddej minn xi sitwazzjoni simili.
Qaltilna li kollox beda ġimgħa wara t-tieġ, b’messaġġi ta’ tgħajjir fuq id-dehra tagħha. Għall-bidu kienet taħsibhom ċajta għaliex qatt ma kien ikellimha b’dak il-mod, imma mbagħad l-affarijiet bdew jeskalaw.
Qalet, “Tibda tarahom jeskalaw. Iħares lejk bl-ikrah, ċertu ħars x’inti tagħmel? Jagħtik l-ordnijiet. Ħajti kienet iddur mal-ordnijiet tiegħu. Ejja għalija, agħmilli hekk, sajjarli. L-ewwel żball li kont nieħu, jiena f’ħajti ma stajtx nieħu żbalji, jien kelli nkun perfetta kif iridni hu.”
Wara l-kliem u l-messaġġi, beda l-abbuż fiżiku.
Qalet, “Kien hemm ħafna drabi, eżempju, jagħtik daqqa ta’ ħarta, isek inti tgħid u iva mhi xejn. Illum il-ġurnata ma ngħidx mhi xejn, ngħid missni waqaft minn dakinhar, imma inti dak il-ħin ma tindunax.”
Wara ftit xhur miżżewġin, qalilha li jrid jiddivorzjaha.
Il-vittma spjegat kif minkejja l-biża’ li tiżdied il-vjolenza, ma setgħetx taċċetta l-fatt kif wara biss ftit xhur mindu wegħdu lil xulxin li se jqattgħu ħajjithom flimkien, ried jitlaqha, u tant kemm ħaditha bi kbira li ppruvat tneħħi ħajjitha b’idejha.
Spjegat, “Kont inħobbu. M’emmintx li dak il-ġuvni li jiena sirt inħobb tul is-snin li qattajna flimkien, dan ħa jgħidli daqshekk.”
Qaltilna li minkejja li kien jiskuża ruħu wara li jsawwatha, ir-rimors ma kienx idum wisq.
Qalet, “Jiena kont immur id-dar, nitlaq mix-xogħol bil-biża’, kif ħa tkun ir-reazzjoni tiegħu x’ħin jarani? Ħa jieħu pjaċir bija? Jew ħa jgħajjarni? Jew ħa jsawwatni? Trid tgħid b’dik il-biża’ kuljum.”
Il-mara ħaditna lura għall-jum meta sabet il-kuraġġ u telqet mid-dar.
Żewġha kien għamel lejl barra, u meta daħal id-dar wara li kienet diġà telgħet ix-xemx, sabbatha mas-sodda u nfexx isawwatha.
Qalet, “X’ħin dħalt biex inbiddel, bil-ħwejjeġ li kont liebsa, u rajt lili nnifsi fil-mera minn rasi sa nofs ġismi, kollni tbenġil u marki, wiċċi kien sfigurat, għidt jiena ħa nibqa’ punching bag?”
Aktar minn sena wara li fittxet l-għajnuna, din il-mara għadha tbati r-riperkussjonijiet tal-abbuż, speċjalment dawk psikoloġiċi, imma qed tħares ’il quddiem b’tama ġdida għal futur aħjar.
Spjegat, “Il-karattru tiegħek inti jinbidel, bla ma trid issir strong, inti ħa tfittex l-għajnuna. Jekk ħa tfittex ħa ssib għajnuna. Jiena sibt iktar minn kemm ridt.”
Hija kellha appell imqanqal għal dawk kollha, nisa u rġiel, li jista’ jkun għaddejjin minn sitwazzjoni simili, biex jitkellmu u jfittxu l-għajnuna qabel ma jkun tard wisq.