Fis-sitta u nofs ta’ filgħodu, f’xita qliel u f’riħ forza ta’ riefnu, Dan Ftepan Udrea, Rumen ta’ tmienja u tletin sena kellu destin kiefer, li waqt li kien qed isuq fi Triq Notabile fl-Imrieħel, siġra nqalgħet mill-għeruq tagħha u waqgħet fuq il-vann tiegħu. Bl-impatt ħalla lill-missier mejjet fuq il-post.
B’din kellha tkun l-aħħar memorja tas-sieħba tiegħu, Rina Georgiana, Rumena ta’ tnejn u tletin sena, li qed tiġġieled għal ħajjitha, hekk kif kienet passiġġiera fuq il-vann fil-ħin ta’ dan l-inċident sfortunat.
Bix-xena traġika ta’ dan l-inċident rawha l-ewwel għajnejn Sharon Caruana Scicluna, mara li flimkien ma’ żewġha kienet għaddejja mit-triq fil-ħin li s-siġra waqgħet għal nofs it-triq. Sharon iddeskrivitilna l-mument li ntebħet li taħt is-siġra kien hemm karozza maqbuda, li minnha bdiet tinstema l-karba għall-għajnuna ta’ mara.Sharon qalet kif “Aħna konna għaddejjin mill-bypass fejn l-akwadott u rajna siġra f’nofs ta’ triq, ir-raġel qalli ejja ħa ndawru għax hawn siġra fin-nofs x’ħin dak rajna d-dawl ta’ wara tal-karozza u għidtlu naħseb hemm karozza hemm u prova u mar jara u semgħa l-mara tgħajjat għall-għajnuna essaċ kienet bikja u r-raġel ġie jgħajjatli biex nċemplu l-ambulanza, dak il-mument ta’ paniku għax tara n-nies qed jitolbu l-għajnuna ma tistax tgħin pruvajna nkellmuhom u smajna leħen wieħed ta’ mara, ma weġbitniex kemm kien hemm nies baqgħet tibki bl-uġigħ, u f’minuti ġew pulizija, ambulanza u ħaddiema tat-tifi tan-nar.”
Xena li l-Sharon stqarret li qatt m’hu se tinsa u li ġiegħlitha tapprezza aktar il-ħajja, għaliex kienu biss ftit sekondi li salvawha minn dan l-inċident.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa. Bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-ispettur Rodrick Spiteri.