Jiem wara li l-midja tal-Partit Nazzjonalista ħarġet tallega li sparixxew ħmistax-il blokka droga mill-Qorti, sorsi qrib il-qorti kkonfermaw ma’ The Times li d-droga qatt ma ġiet nieqsa mill-istrong room tal-qorti.
Fil-jiem li għaddew, il-midja Nazzjonalista ħarġet tallega li guri quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi dwar traffikar ta’ droga ma setax jibda wara li sparixxew tliet kili droga reżina tal-ħaxixa mill-istrong room tal-Qorti fejn jinżammu oġġetti li jiġu kkonfiskati.
Madankollu rapport f’ The Times qal li d-droga qatt ma ħarġet mill-bini tal-qorti kif ġie allegat mill-midja Nazzjonalista u ma setgħetx tinstab mill-ewwel għax kienet immarkata b’mod ħażin.
Fil-fatt l-allegazzjoni dwar l-għajbien tad-droga wassal għall-ftuħ ta’ inkjesta mmexxija mill-Maġistra Donatella Frendo Dimech. Inkjesta li waslet biex ġew identifikati l-ħmistax-il blokka ta’ reżina tal-kannabis li kienu mmarkati b’mod ħażin.
Is-sorsi qalu li l-oġġetti fl-istrong room tal-qorti jiġu identifikati permess ta’ indiċi u permezz ta’ tikketta li tkun imwaħħla magħhom.
Is-sorsi spjegaw li f’dan il-każ, l-informazzjoni fuq it-tikketta mwaħħla mad-droga kienet żbaljata. Madankollu sostnew li d-droga kienet fl-istrong room u mhux veru li sparixxiet mill-qorti.