Id-deċiżjoni tal-Qorti dalgħodu hija daqqa oħra politika għal Simon Busuttil, it-tielet waħda fi ftit xhur. Din issa qed issir problema akbar tal-Partit Nazzjonalista sakemm Adrian Delia jibqa’ sieket u ma jagħmel xejn dwarha.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputati Edward Zammit Lewis u Robert Abela fissru kif dalgħodu, il-qorti preseduta minn Maġistrat ieħor iddikjarat li “ma jeżisti ebda limbu legali, u ġudizzjarju, la ħaj u lanqas mejjet.”
Robert Abela tenna li l-qorti tat risposta ċara li dak li qed jagħmlu mhu xejn għajr attentati fjakki biex jipprovaw iqajmu mill-mewt rikorsi, kawżi li diġà tilfuhom. Dan hu aġir inaċettabbli u aġir li l-poplu għandu jieħu nota tiegħu.
Edward Zammit Lewis sostna kif il-poplu għandu jieħu nota ta’ dan l-aġir ukoll għax fis-sajf, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qal li għandha tintrefa’ r-responsabbiltà politika minn Busuttil u minflok dan refa’ r-responsabbiltà politika, reġa’ qed jagħmel l-istess, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia idu marbuta għax jibża’ li jitfgħu ‘l barra.
Fuq kollox, is-sentenza tal-lum hija kundanna minn sensiela fil-konfront tal-eks Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil. Din hija wkoll konferma ta’ kemm Busuttil, David Casa u oħrajn jibbażaw il-kampanja tagħhom fuq il-qerq, il-fabbrikazzjoni u l-gideb.