L-aqwa tennista tad-dinja, Novak Djokovic ma setax jitlaqqam kontra l-Covid-19 minħabba l-fatt li kien infettat bil-virus f’Diċmebru li għadda.
Dan qaluh l-avukati ta’ Djokovic f’dokument quddiem il-Qorti ta’ Melbourne, bil-għan li t-tennista Serb ikun jista jerġa’ jingħata l-viża biex ikun jista’ jipparteċipa fl-Open Awstaljan, li mistenni jibda fil-jiem li ġejjin.
L-avukati ta’ Serb argumentaw li huwa ġie pożittiv lura fis-16 ta’ Diċembru, u għaldaqstant ma setax jieħu l-vaċċin kontra l-Covid.
Dawn l-iżviluppi qed iseħħu minħabba li l-Awtoritajiet Awstraljani rrevokaw il-viża ta’ Djokovic wara li daħal fil-pajjiż mhux imlaqqam kontra l-Covid-19.
Djokovic, li kemm il-darba oppona għall-vaċċinazzjoni, kien ingħata eżenzjoni medika biex jilgħab fil-kampjonat minn żewġ panels mediċi indipendenti.
Il-wasla tiegħu fl-Awstralja qajmet għagħa fost il-poplu Awstraljan li qed isegwi fost l-aktar regoli stretti kontra l-imxija madwar id-dinja.