L-ebda diskriminazzjoni fil-konfront ta’ Musulmani li twaqqfu milli jkomplu jitolbu f’appartamenti mikrija f’tas-Sliema u San Pawl il-Baħar. Dan iddeċidietu l-Qorti Kostituzzjonali meta kienet qed tisma’ każ li jmur lura għal Settembru ta’ tmien snin ilu.
Il-każ jinvolvi grupp ta’ Musulmani li kienu qed jitolbu jew jagħmlu servizzi reliġjużi f’appartamenti suppost residenzjali. Il-Musulmani involuti argumentaw li l-appartamenti mikrija kienu joqgħodu fihom.
Sostnew li l-appartamenti ma kinux moskea għaliex ma kienx hemm is-simbolu tal-minaret, ma kien hemm l-ebda faċilità għall-ħasil tas-saqajn u l-binjiet ma kinux iħarsu lejn il-Mekka.
Hawnhekk il-pulizija wieġbet billi esponiet ritratti li ma jurux li l-postijiet kienu abitabbli u fihom ma nstab xejn għajr twapet u xkafef fejn jinżammu ż-żraben.
L-Imħallef Silvio Meli fakkar li l-liġi tgħid li biex binja tibdel l-użu tagħha għal fejn jiltaqgħu n-nies teħtieġ il-permessi.
Sostna li għalhekk f’soċjetà demokratika ħadd m’hu ‘il fuq mil-liġi u ma laqax it-talba għall-kumpens li saret mill-grupp ta’ Musulmani.