Is-Sibt l-erbgħa ta’ Jannar immarka l-bidu ta’ vjaġġ twil lejn l-Indja għall-koppja Joanne u Kursten, biex isiru ġenituri.
Fil-mitjar Malti qabel qabdu titjira lejn il-kontinent Ażjatiku, Joanne Sciberras Edwards qaltilna li fl-aħħar wasal il-jum li tant ilha tistenna, biex għall-ewwel darba tiltaqa’ ma’ dak li se jkun it-tifel tagħha.
Emozzjonata qaltilna li jekk kollox imur sew, it-tifel se ssemmih Ben għal ħuha Rueben li ħalla din id-dinja sbatax-il sena ilu.
“Qed nistenna ħafna emozzjonijiet, ili nistenna dan kollu. Eċitata u ferħanin it-tnejn li aħna.”
Wara battalja legali ta’ tmien snin biex tkun tista’ tiżżewweġ, Joanne ma qatgħetx qalbha u anki jekk kien proċess twil u diffiċli, baqgħet tiġġieled biex tasal s’hawn ukoll.
“Tagħmel il-kuraġġ meta taf li tista’ tagħti dinjità lil xi ħadd, qisek tqawwi qalbek u tkompli għal dan il-pass.”
Fil-fatt qaltilna li minn dejjem xtaqet li ssir omm.
“Ili naħseb fuqha mindu żżewiġna naħseb anki ftit qabel ma ddeċidejna li niżżewġu għidna li nħarsu lejn l-adoption biex inkabbru l-familja tagħna. Għandna ħafna mħabba bħala koppja u nixtiequ noffruha lil xi anġlu li l-Bambin ħa jippremjana bih mill-art tal-Indja.”
Joanne tistqarr li d-diffikultajiet u l-isfidi li ltaqgħet magħhom fit-triq biex waslet s’hawn, illum tarahom biss bħala passat.
Madanakollu rrikonoxxiet id-drittijiet li nies bħalha ingħataw biex ikomplu bil-ħajja tagħhom.
“Illum il-ġurnata qegħdin hawn u ħa joħroġ dak il-frott li l-Gvern ta lilna.”
Mumenti qabel ħalliet Malta, Joanne appellat biex ħadd ma jaqta’ qalbu, u biex min jista’ jadotta ħalli jagħti opportunità ta’ mħabba lil min m’għandux.
“L-appell tiegħi biex ħadd ma jaqta qalbu. La wasalt jiena minn dal-maltemp kollu, żgur li għandu jasal kulħadd. Qed nitkellem miegħek u lanqas irrid nemmen li qiegħda hawnhekk fil-verità.”