Il-gwerra kontra l-plastik, b’mod partikolari dak li jintuża darba biss, hija fost l-akbar battalji li bħalissa qed jiġġieldu ċittadini u gvernijiet madwar id-dinja.
F’Malta mhux b’anqas, speċjalment meta wieħed jiftakar li dan l-iskart jaf jispiċċa fil-baħar li jdawwar il-gżejjer Maltin u jibdel għal kollox l-ilmijiet ċari kristalli li mdorrijin ngħumu fihom.
Il-Preżentatriċi u Personalità Clare Agius, magħrufa għall-attiviżmu li ilha tagħmel favur l-eliminazzjoni tal-użu tal-plastik, issa reġgħet ħalliet marka wara li xandret filmat tagħha tiġbor biċċiet żgħar tal-plastik waqt li tkun qed tgħum u tneħħihom mill-baħar.
Hija qaltilna, “Dak il-ħin nibda ngħid li dawn huma affarijiet li l-ħut u l-fkieren se jaħsbuh ikel. Allura din hija xi ħaġa normali li nagħmel, li jien u ngħum naqbad il-biċċiet iż-żgħar li nista’, speċjalment fishing nets u biċċiet tal-plastik li mhux se jagħmlu ħsara lili billi nitfagħhom fil-malja u niġborhom. Ngħid almenu flok kilitha ħuta, ġbartha, ħadtha d-dar u ddisponejt minnha.”
Fakkret ukoll li l-ġlieda kontra l-plastik rridu niġġielduha lkoll flimkien: “Fl-opinjoni tiegħi ilna diġà snin inkunu kuxjenzjużi bħala ċittadini, imma jekk mhux se jkollna l-korporazzjonijiet il-kbar u gvernijiet jgħinuna b’liġijiet u nfurzar se nibqgħu naħsbu ħażin. Hawn ħafna nies li naqqsu s-single use plastic imma għadu wisq disponibbli.”
Magħna temmet ukoll b’appell biex naħsbu wkoll f’dawk li se nħallu warajna, li fi kliem Agius ma ħaqqhomx jgħumu aktar fi plastik milli fl-ilma ċar: “Diffiċli li tgħum u li tieħu pjaċir fil-baħar ċar li niftakar minn tfuliti, u tagħlaq għajnejk għal dawk l-affarijiet li fil-futur se jiżdiedu. Dik hi l-ħaġa, it-tfal tiegħi, l-għawma tagħhom aktar se tkun fi plastik milli f’ilma ċar.”