“Li hu żgur huwa li mhux se nħallu lil Malta ssir il-Lampedusa l-ġdida fejn it-traffikanti tal-bnedmin jibdew jitfgħu l-immigranti llegali lejn Malta.”
Qal dan fi stqarrija ministerjali li għamel illejla l-Prim Minsitru Joseph Muscat dwar il-każ tad-49 immigrant fuq żewġ bastimenti ta’ għaqdiet mhux governattivi. Il-Prim Ministru tenna li Malta ma kellha l-ebda rwol fil-ħin meta l-immigranti nġabru mill-ibħra territorjali Libjani.
Dr Muscat poġġa fuq il-mejda tal-Kamra mappa ta’ minn fejn saru ż-żewġ interċettazzjonijiet. Qal li l-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li Malta ma kellha l-ebda responsabbiltà fit-tiftix u s-salvataġġ ta’ dawn l-immiganti.
Il-Prim Ministru qal li malta baqgħet tinsisti li l-bastimenti ma jidħlux Malta u għamilha ċara li l-immigranti mhumiex responsabbiltà ta’ Malta. Qal li l-Kummissjoni fehmet is-sitwazzjoni u bdiet taħdem fuq soluzzjoni. Fakkar li Malta għamelt xogħol kbir fl-ibħra meta salvat mitejn disa u erbgħin persuna minn għarqa ċerta.
Saħaq li Malta insistiet mal-kummissjoni ewropea li ma kiex jagħmel sens li l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà jintuża f’każ meta pajjiż jiddeċiedi jikser ir-regoli u jirrifjuta li joffri port waqt li min jagħmel dmiru jiġi injorat.
Dr Muscat qal li wara li Malta żiedet il-pressjoni, tmien pajjiżi qablu li jaqsmu l-immigranti bejniethom.
Finalment qal li Malta tat kenn li dawn il-persuni li qattgħu jiem sħaħ fuq il-baħar u ħadd mill-immigranti mhux se jibqa’ f’Malta.
Il-Prim Minsitru qal “Iżda ħadd mid-49 fuq Seawatch 3 u Albrecht Penck mhu se jibqa’ Malta. Ma’ dawn se jkun hemm 171 persuna minn 249 li kienu responsabbilta’ ta’ Malta li se jkunu rilokati lejn pajjiżi Ewropej oħrajn. 44 minnhom li huma mill-Bangladesh se jirritornaw lura pajjiżhom bl-għajnuna tal-European Asylum Support Office (EASO).”
Dr Muscat sostna li ried jibbilanċja s-sitwazzjoni delikata ħafna fejn waqt li kien konxju tas-sitwazzjoni abbord, Malta ma setgħetx tiftaħ il portijiet tagħha beraħ għal kulħadd minħabba kwistjoni ta’ sigurtà nazzjonali u interess nazzjonali.
Muscat qal li “Akkont kollox, Malta setgħet baqgħet b’249 immigrant li salvajna bir-resposabbilta’ kollha u stajna spiċċajna b’49 oħra li ma kienux responsabbilta’ ta’ Malta. Kważi 300 immigrant f’Malta. Minflok, għax imxejna b’serjeta’ u wrejna li ma aħniex pajjiż li kulħadd jista’ jagħmel li jrid bih, iżda fl-istess ħin pajjiż ħanin, se jibqgħu ferm anqas.”
Huwa u jwieġeb mistoqsijiet tad-deputati fil-Parlamenti, Il-Prim Minsitru saħaq li huwa neċessarju li kulħadd jimxi mar-regoli internazjzonali.