Ġuvni ta’ tmintax -il sena tressaq il-qorti akkużat li uża l-vjolenza fuq ommu. Huwa ikkaġuni danni f’ġisimha u f’saħħitha permezz ta’ xi sustanza jew likwidu. L-istess ġrieħi huma ta’ natura ħafifa.
Il-każ ġara fis-6 ta’ Lulju f’San Ġwann fejn il-ġuvni kien jgħix m’ommu. Il-ġuvni qal li ma jaħdimx u ma jistudjax. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh.
Il-Maġistrat Ian Farrugia qies fatturi varji, fosthom l-eta tenera tal-imputat, li l-allegata vittma hija ommu u li fil-preżent qiegħed jirriżulta lil din il-qorti li m’għandux struttura ideali biex jgħix mingħajr problemi.
Il-qorti hija tal-fehma li l-imputat jgħix f’diffikultajiet soċjali u hemm problemi ta’ mġieba.
Qal li l-imputat għandu bżonn għajnuna li jservi ta’ ġid għalih. Huwa ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-qorti għamlet talba lid-direttur tal-faċilitá korrettiva ta’ Kordin sabiex minnufih jieħu miżuri meħtieġa biex l-imputat mhux biss jingħata għajnuna li se tiġi offruta lilu iżda li jinżamm fl-aħjar ambjent għalih.
Il-Maġistrat Ian Farrugia issuġerixxa li għandu jintbgħat il-Forensic Ward. Madankollu deċiżjoni finali għandha tkun f’idejn id-direttur ġenerali tal-faċilitá korrettiva ta’ Kordin biex jiddeċiedu hu fejn ser jinżamm l-imputat.
Il-qorti ordnat lill-istess direttur u d-direttur tal-aġenzija appoġġ sabiex jikkordinaw bejniethom u jagħtu għajnuna liż-żagħżugħ mill-aktar fis possibbli.
Il-Maġistrat qal li dak li ġara liż-żagħżugħ mhux ħtija tiegħu imma l-ġenituri huma moralment responsabbli għal dak li ġara lilu.