Il-bord tal-moniteraġġ tas-sanzjonijiet ma’ rċieva l-ebda talba għal-awtorizazzjoni biex il-kumpanija ta’ James Fenech, Sovereign Charters tibgħat żewġ dgħajjes fil-Libja.
Dan l-iżvilupp ħareġ mill-awli tal-Qorti, it-Tlieta filgħodu meta kompliet tinstema’ x-xhieda fil-każ tan-negozjant James Fenech hekk kif hu flimkien ma’ erba’ ħaddiema oħra tiegħu qed jiġu akkużati bi ksur ta’ sanzzjonijiet ristrettivi li hemm fuq il-Libja.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, iċ-Chairman tal-bord Neville Aquilina xehed li qatt ma saret talba għall-awtoriżazzjoni ta’ din l-operazzjoni mill-kumpanija ta’ James Fenech.
Fil-Qorti nstemgħet ukoll ix-xhieda tal-Ispettur Omar Zammit li qed imexxi l-investigazzjoni.
L-ispettur Zammit spjega kif kien fl-ewwel ta’ Lulju tal-2019 li dgħajsa bl-isem ta’ Manta 1 daħlet fil-port b’madwar 20 persuna li ħarbu mill-Libja.
Fix-xhieda estensiva tiegħu spjega li l-għoxrin ħaddiem li daħlu Malta kienu Ingliżi, Amerikani, mill-Afrika t’Isfel u Awstraljani. Dawn kienu impjegati mal-kumpanija Opus Capital Asset Limited f’Dubai.
L-ispettur Zammit qal ukoll li waqt l-interrogazzjoni mill-Pulizija, il-ħaddiema qalu li ħarbu mill-Libja għal Malta għaliex kien hemm preżenza qawwija ta’ militari f’Benghazi bir-riżultat li bdew jibżgħu.
B’hekk talbu lill-Kumpanija Opus Capital sabiex jibgħatulhom d-dgħajjes. Dgħajjes li nkrew mill-kumpanija ta’ James Fenech, Sovereign Charters.
Mill-investigazzjonijiet li saru u fuq konferma ta’ James Fenech innifsu fi stqarrija mal-Pulizija, Opus Capital u Sovereign Charters iffirmaw kuntratt tal-kirja ta’ żewġ dgħajjes irreġistrati f’Malta bħala dgħajjes għad-divertiment.
Il-ħlas għal dawn id-dgħajjes kien jammonta għal erba’ mija u tmenin elf ewro. Wara kien sar pagament ieħor ta’ madwar erba’ mija u ħamsin elf ewro li huma spejjeż tad-dgħajsa li ma kinitx ġiet lura hekk kif waqt il-vjaġġ lejn Malta, sofriet xi ħsarat u ġiet abbandunata.
Fix-xhieda tiegħu l-ispettur Zammit qal li James Fenech ikkonferma wkoll li qabbad il-kumpanija ta’ avukati bl-isem ta’ Mamo TCV biex jagħmlu kollox kif suppost u pretenda li din l-istess kumpanija tinfurmah b’dak kollu neċessarju. Qal ukoll li kienet din il-kumpanija stess, Mamo TCV li lestiet il-kuntratt ta’ dan in-negozju partikolari.
Zammit qal li l-investigazzjonijiet fuq dan il-każ għadhom għaddejin mill-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni hija mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit u s-Supretendent George Cremona.