Nuqqas ta’ provi wasslu biex Paul Spiteri ta’ 33 sena ma nstabx ħati mill-Qorti li hedded lil martu u weġġa’ gravi lil xi ħadd li jiġi minnha.
F’Lulju li għadda f’Ta’ Sannat, Spiteri allegatament beda jagħti fastidju lill-mara tiegħu u lil qarib tagħha. Dan seħħ fis-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu. L-argument intensifika fil-Munxar siegħa wara, fejn Spiteri allegatament hedded lill-mara u darab b’mod gravi lill-qarib. Il-ġrieħi li sofra l-qarib ġew ikkonfermati mit-tobba fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex.
Madanakollu, il-Maġistrat Simon Grech osservat li la l-mara u lanqas dawk li jiġu minnha ma xehdu dwar il-każ. Għalhekk il-Qorti ma kelliex provi, u l-unika xhieda kieku l-pulizija u t-tobba. Dawn tal-aħħar setgħu jgħidu biss dak li ntqal lilhom, u ma raw xejn jiġri b’għajnejhom stess.
Għalhekk Spiteri ma nstabx ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.