Warren Magri, ta’ 39 sena mill-Isla, ma nstabx ħati li, f’Marzu tal-2006, meta kien uffiċjal tal-Pulizija, ħebb għal tliet persuni u kkaġunalhom ġrieħi ħfief billi mbuttahom u li kiser il-paċi pubblika fix-Xatt tal-Isla.
Waqt ix-xhieda, wieħed mill-vittmi stqarr li waqt li kien f’bar mas-sieħba tiegħu inqala’ argument ma’ żewġ persuni u kien iffaċjat mill-akkużat, li beda jagħtih bil-ponn u tlieta oħra. Is-sieħba tiegħu, meta xehdet, qalet li lill-akkużat ma kinitx ratu fil-bar imma barra.
Fix-xhieda tiegħu, l-akkużat qal li kien ra wieħed mill-allegati vittmi jiġi attakkat u għalhekk mar iferraqhom. Il-vittma, li kien mal-art, ħaseb li huwa kien se jattakkah u rritalja. Huwa qal li kien hemm xi persuni oħra li attakkawh, tant li kien spiċċa l-isptar.
L-akkużat qal li, sena u nofs ilu, wieħed mill-vittmi kien offrielu €7,000 biex iwaqqa’ l-każ.