Fl-aħħar sigħat il-Pulizija ssoktat bl-investigazzjonijiet biex tistabbilixxi d-dinamika tal-każ tal-mara Ingliża ta’ disgħa u sittin sena li tard it-Tnejn filgħaxija nstabet mejta f’dar fi Triq San Luqa San Pawl il-Baħar wara li kienet ilha mejta mill-erbatax ta’ Novembru li għadda. Hija nstabet fi stat qawwi ta’ dekompozizzjoni.
It-Tlieta filgħodu, għadd ta’ eżaminazzjonijet forensiċi fuq il-katavru kkonfermaw li l-mara hija Janet Harvey. Hija mietet b’mod naturali kawża ta’ marda serja li ħakmitha fl-aħħar xhur.
Sorsi qrib ONE News qalu li ma nstabu l-ebda marki ta’ vjolenza fuqha.
ONE News hu Infurmat li qarib ta’ Janet kien ilu għal dawn l-aħħar xhur jipprova jkellimha, iżda żewġha kien jgħidlu li tinsab tajba. Kien hawn li ssuspetta ħażin u għarraf lill-awtoritajiet bil-Konslu tal-Ambaxxata Ingliża jitlob lill-Pulizija biex tistħarreġ x’sar mill-mara.
Sorsi qalu li meta l-Pulizija waslet fuq il-post it-Tnejn filgħaxija, ħadd ma fetaħ il-bieb, bl-uffiċjali jxommu riħa tinten ħierġa mil-‘letterbox’ tal-bieb ta’ barra. Kien hawn li talbu l-għajnuna tal-Protezzjoni Ċivili li daħlu fid-dar minn tieqa fil-ġenb tal-appartament.
Fid-dar instabu għadd ta’ annimali u ħmieġ tagħhom flimkien ma’ dak uman, u anke xi fliexken imferrxa mal-art. Il-katavru tal-mara nstab fuq in-naħa tax-xellug tat-taraġ imgeżwer f’kutra fuq sodda żgħira.
L-istess sorsi qalu li minnufih bdiet tfittxija għal żewġha Russell li jgħix fl-istess dar, u li sabiex jidħol f’kamartu kellu bilfors jgħaddi minn quddiemha.
Ir-raġel instab f’ħanut tax-xorb fil-qrib, fejn lill-Pulizija qalilhom li l-mara kienet tajba. Il-Pulizija arrestatu u ħaditu fuq il-post biex jgħin fl-istħarriġ. Aktar tard l-esperti tal-qorti ordnaw li jittieħed l-Isptar Monte Carmeli biex isirulu testijiet psikjatriċi li għandhom jiddeterminaw jekk għandhomx jittieħdu passi fil-konfront tiegħu.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li ħatret bosta esperti fosthom lit-tabib Mario Scerri biex jgħinu fl-inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-pulizija qed jitmexxew mis-Supretendent Mario Haber, l-Ispettur Clayton Camilleri u s-Surġent Glen Carabott mill-Għassa tal-Qawra bil-għajuna tal-Pulizija mit-taqsima forensika.