“Jien ma ‘nsejtx’ kif nitkellem bil-Malti iżda qatt ma kont nuża l-Malti bħala l-lingwa ewlenija. Malta hi ferm għal qalbi u dejjem faħħartha f’kull mument li kelli ċans u dejjem ipprovajt kemm stajt u kif naf nitkellem il-lingwa Maltija.”
Dan kien parti mill-messaġġ fuq Facebook tal-kantanta żagħżugħa Maltija Emma Muscat, li kisbet fama internazzjonali wara s-sehem tagħha fil-programm Taljan, Amici. F’messaġġ twil li ktibet fuq Facebook indirizzat għal min ma jafiex, Emma tispjega għalfejn hi xi kultant tkun qed titkellem bil-Malti u tgħid sentenza bl-Ingliż fejn issostni li hi titkellem tajjeb ħafna bl-Ingliż u li l-lingwa Maltija qatt ma kienet il-lingwa ewlenija tagħha iżda li xorta waħda dejjem għamlet ħilitha biex titkellem b’Malti tajjeb.
Dan il-messaġġ inkiteb wara li bosta persuni kkritikaw il-fatt kif titkellem, fejn bosta kitbu fuq il-midja soċjali u staqsew għalfejn twaddab kliem bl-Ingliż u kif missha titkellem bil-Malti għax bħal qisha “nesiet” il-lingwa Maltija waqt li kienet l-Italja.
Fil-messaġġ tagħha Emma tispjega kif għal dawn l-aħħar xhur hi qatt ma kellha kuntatt ma ħadd minn Malta, lanqas mal-ġenituri u ħuha, u li ma pprattikat ebda Malti matul ix-xhur tagħha f’Amici. Sostniet li hi titkellem l-aktar bl-Ingliż għax dik hi l-lingwa li tuża matul ħajjitha, kemm mal-ħbieb u l-għarus tagħha li hu Taljan u kif ukoll fil-ħajja ta’ kuljum fejn spjegat li kieku ma kinitx taf il-lingwa Ingliża żgur mhux forsi ma kinitx tasal fejn hi.
Dan hekk kif il-lingwa Ingliża hi l-lingwa li tintuża l-aktar madwar id-dinja u li l-aktar jifhem kulħadd u kif ukoll hi tikteb il-lirika tal-kanziunetti tagħha.
Emma kitbet kif minkejja li l-Malti tagħha qatt ma kien l-forte tagħha, dejjem għamlet l-għalmu tagħha biex titkellem bil-Malti bħala rispett lejn pajjiż twelidha.
Temmet billi qalet li hi tfajla ta’ 18-il sena li tħoss bħal kulħadd u li qabel persuna tgħaddi kumment għandha dejjem taħseb darbtejn dwar dak li se tkun qed tgħid. Dan hekk kif kulħadd fl-aħħar mill-aħħar hu tad-demm u l-laħam.