F’intervista l-Ħadd filgħodu, l-Prim Ministru Robert Abela stqarr kif pajjiżna ma jistax jitlef l-iżvilupp akkademiku u soċjali ta’ ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal.
Huwa qal dan meta kien qed jitkellem dwar id-deċiżjoni li jinfetħu l-iskejjel bil-protokolli meħtieġa kontra l-Covid-19.
“L-edukazzjoni tat-tfal tagħna tibqa’ kruċjali u għaldaqstant din kienet deċiżjoni, fost waħda mill-iktar deċiżjonijiet diffiċli li kellna biex nieħdu imma ħadniha. Ħadniha bl-iktar mod responsabbli għaliex nifhmu li ma nistgħux nitilfu din il-ġenerazzjoni.”
Spjega kif ma tistax tingħata garanzija li mhux se jkun hemm każijiet ta’ Covid-19 fost l-istudenti, imma f’din l-eventwalitá hemm protokolli apposta mħejjija.
Filwaqt li qal li jemmen fl-importanza li l-istudenti jkunu preżenti fiżikament fil-klassi, f’dan iż-żmien il-Gvern se jħalli f’idejn il-ġenituri sabiex jagħżlu huma x’inhu l-aħjar għal uliedhom u jekk għandhomx jibgħatuhom skola.
“Il-ġenitur għandu jagħżel hu dak li jħoss huwa l-aktar responsabbli għat-tfal tiegħu f’dan il-mument. Mhux ser nimxu b’ponn tal-ħadid mal-ġenitur, mhux il-mument ta’ dawn l-affarijiet. Jekk ġenitur iħoss illi jkun aħjar illi jibda b’metodu ta’ ‘online learning’ imbgħad jaġġusta, ħa nħalluha deċiżjoni tal-ġenitur.”
Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru nnota kif f’Awwissu pajjiżna ra tnaqqis ta’ żewġ terzi ta’ wasliet meta mqabbel mas-sena l-oħra, minkejja li din is-sena telqu iktar immigranti mix-xtut Libiċi.
Huwa reġa’ tenna li se jibqa jinsisti mal-istati Membri Ewropej li pajjizna ma jiflaħx għal aktar immigranti, u wera diżappunt fuq rimarki li saru mill-kap prospetttiv tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, li qal li pajjiżna mhux karozza tal-linja u għalhekk ma’ jistax ikun full up.
“Il-bieraħ li nisma kandidat prospettiv, kandidat għall-ħatra ta’ kap ta’ oppożizzjoni li jgħid li Malta, ma tistax tikkumpara l-immigrazzjoni u lil Malta ma karozza tal-linja ma tistax tgħid li hija full up, jien litteralment ma nistax nifhem, ma nemminx dak li qiegħed nisma. Għaliex fuq il-prinċipju bażiku li Malta hija full up għandna naqblu. Għax jekk ma tkunx konvint minn dak il-prinċipju, aħseb u ara kemm se tirreżisti u tiġġieled din il-problema ma pajjiżi barranin. Jekk inti l-messaġġ li titrasmetti ser ikun, pajjiżna mhux full up, awtomatikament x’qed tgħidilhom. Niflaħ iżjed.”
Abela stqarr kif dawn it-tip ta’ rimarki mill-oppożizzjoni idgħajfu l-pożizzjoni ta’ pajjiżna fuq l-immigrazzjoni fil-fori ewropej. Madankollu reġa tenna l-impenn tiegħu biex din il-kwistjoni tkun indirizzata fuq ix-xtut Libiċi.
Fuq dan is-suġġett huwa temm jgħid li pajjiżna mhux ser jittollera li l-Maltin u l-Għawdxin ma jkunux irrispettati f’pajjiżhom.
“Din il-problema reinfaċjajniha b’umanitá u b’mod uman, imma nistenna li l-Maltin u l-Għawdxin jiġu rispettati ġewwa pajjiżhom u għaldaqstant is-sens ta’ dixxiplina u dan il-messaġġ li qed jintbgħat b’mod ċar li l-forzi tal-ordni ser ikunu preżenti, u għalhekk is-sistema ta’ ‘patrolling’ fil-komunitá, preżenti. Min ma jobdix il-liġijiet hemm il-konsegwenzi. Jitresaq il-Qorti u jingħata l-pieni kollha li ħaqqu.”