Ma nistgħux nitfgħu l-piż taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq in-nies.
Dan sostnieh il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio s-Sibt filgħodu: “Aħna rajna biex inżommu l-kontijiet kif kienu u ma għollejna xejn. Pajjiżna qed ingawdu fost l-orħos kontijiet fl-Ewropa. F’Ġunju, fil-pjan ta’ riġenerazzjoni saħansitra raħħasna l-fuel b’7ċ kull litru.”
Dr Abela spjega kif iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil hija sitwazzjoni li qed tħasseb lil kull mexxej, anki fil-kuntest li d-dinja bħalissa tinsab ħierġa minn pandemija.
Spjega li quddiem il-Kunsill Ewropew, ħafna lissnu dawn il-ħsibijiet u issa qed jippermettu lill-istati kollha jagħtu l-għajnuna neċessarja biex jassistu liċ-ċittadini skont ir-realtajiet tal-istati differenti.
Dr Abela sostna li wħud mill-pajjiżi qed jagħmlu tajjeb għaż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil billi jmorru lura għal sorsi perikolużi bħall-enerġija nukleari jew sorsi li jniġġsu ħafna: “Pajjiżi oħra qed jirnexxilhom b’xi mod iżommu l-kontijiet milli jogħlew b’mod sproporzjonat billi jużaw il-faħam.”
Il-Prim Ministru kellu appell b’saħħtu biex kull min jirċievi appuntament biex jieħu d-doża addizzjonali, imur: “Il-vaċċin huwa s-soluzzjoni. Pajjiżi b’uptake baxx u pajjiżi ta’ madwarna fejn jgħidulek li n-nies hemm raġunijiet li ma jridux jieħdu l-vaċċin u l-konsegwenzi mhux żgħar.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-isfida tat-tibdil fil-klima. Spjega kif matul il-ġimgħa d-dieħla, il-mexxejja ta’ diversi stati madwar id-dinja se jiltaqgħu fi Glasgow għas-summit COP26: “Hija sfida importanti daqs il-pandemija jekk mhux akbar. Għall-pandemija għandna l-vaċċin imma għat-tibdil fil-klima, decarbonisation, biex innaqqsu l-emmissjonijiet, hemmhekk hemm mizuri li jridu jittieħdu u jfissru bidla fil-lifestyle.”
Hawnhekk fakkar kif fil-Pjan ta’ Rkupru, il-Kummissjoni tatna tliet mija u għoxrin miljun ewro, li erbgħa u ħamsin fil-mija minnhom se jmorru għal miżuri aktar ambjentali fosthom l-eletrifikazzjoni tal-flotta tat-trasport pubbliku.
Il-Prim Ministru sostna: “Il-flotta tat-trasport. Għax il-qalba mill-faħam u l-Heavy Fuel Oil saret diġà. Għandek pajjizi oħrajn li għandhom l-opportunità li jnaqqsu dan l-użu imma aħna lestejnieha snin ilu.”
Fakkar ukoll kif fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern ma tefax il-piż fuq iċ-ċittadini iżda inċentiva lin-nies b’għotja ta’ tnax-il elf ewro għal kull karozza elettrika li jixtru: “Kif se tagħmilha? Jew tixħet il-piż fuq in-nies, kif kien jagħmel il-Partit Nazzjonalista, taxxi fuq in-nies, imma aħna morna bil-kontra. Inċentivajna lin-nies bi tnax-il elf ewro.”
Ara wkoll: