Mhuwiex sostenibbli u ma nistgħux nindirizzaw is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni dgħajsa, dgħajsa.
Malta ma tistax titħalla iżjed waħidha.
Dawn kienu dikjarazzjonijiet b’saħħithom li għamel il-Prim Ministru Robert Abela l-Ħamis filgħaxija waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta mal-mexxejja tal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea waqt is-Summit Med 7 organizzat mill-Presidenza Franċiża fuq il-gżira ta’ Korsika.
I reiterated that it is not #sustainable to continue to address the #immigration situation on a boat by boat basis – we cannot be left alone anymore – RA pic.twitter.com/aYkzR7XLtN
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) September 10, 2020
Il-Prim Ministru Malti saħaq li l-Unjoni Ewropea ma tistax tħalli pajjiżi bħal Malta u l-Italja waħidhom quddiem pressjonijiet li hemm bir-rotta migratorja fiċ-ċentru tal-Mediterran.
Tenna li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni mhux tingħata l-importanza xierqa fuq l-aġenda Ewropea u filwaqt li rrikonoxxa li hemm pajjiżi li qed ikunu ta’ spalla u jagħtu l-għajnuna tagħhom, ma jistax ikun li jkun hemm każijiet spissi ta’ immigranti li jibqgħu jitħallew fuq dgħajjes f’nofs il-Mediterran minħabba nuqqas ta’ qbil bejn l-istati membri.
Il-Prim Ministru stqarr: “As we speak there are ongoing stand offs and stranded migrants at the middle of the sea. A situation that has become a daily occurrence for us which cannot remain as such. It is definitely not sustainable, not human to continue to address the situation on a boat by boat basis.”
Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar li mhux l-ewwel darba li l-Unjoni Ewropea daħlet għall-impenji dwar l-immigrazzjoni iżda imbagħad meta naslu għall-implimentazzjoni, dawn l-impenji ma jimmaterjalizzawx.
Hawnhekk il-Prim Ministru semma l-ġlieda kontra ċrieki kriminali li jmexxu t-traffikar uman: “We need to disrupt the business model of human smugglers, criminals, that intentionally put human lives at sea for the sake of money. On the other hand the Union knows that this is happening and cannot remain silent.”
Fis-summit mas-sitt mexxejja Ewropej l-oħra, il-Prim Ministru Robert Abela semma l-importanza tal-Libja u l-kontinent Afrikan fil-kuntest tal-immigrazzjoni.
“Il-baħar Mediterran huwa l-unika ħaġa li taqsam lilna bħala Ewropa minn mal-kontinent l-ieħor”, qal il-Prim Ministru.
“Neħtieġu iżjed koperazzjoni u l-ħidma mal-kontinent viċin tagħna hija importanti mhux biss għas-sigurtà tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea iżda għall-paċi, l-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità fir-reġjun”, stqarr il-Prim Ministru Malti f’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem is-summit.
Dr. Abela saħaq li allura s-sitwazzjoni fil-Libja hija ta’ importanza kbira u semma kif Malta qed isservi ta’ pont sabiex ikun hemm djalogu bejn il-Libjani.
F’dan il-kuntest qal li Malta qed tisħaq li huwa importanti wkoll li l-attività ekonomika fil-Libja terġa’ tibda għaddejja.
F’kummenti wara s-summit, il-Prim Ministru Abela aċċenna li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni hija problema Ewropea u mhux tal-pajjiżi li jmissu direttament magħha.
Dr Abela sostna: “Lill-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi fil-Mediterran ukoll jifhmu li din mhiex problema ta’ Malta, mhiex problema tal-pajjiżi frontline imma hija problema tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali, tal-pajjiżi li jiffurmaw parti mill-Med7 ukoll b’mod ġenerali u għaldaqstant trid tinstab soluzzjoni ħolistika għal din il-problema.”
Intant il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar dak li għaddej fil-Lvant tal-Mediterran u wera solidarjetà mal-Gvern Grieg u dak Ċiprijot.
Qal li Malta tisħaq fuq id-djalogu u qed tħares lejn is-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran.
Tenna li Malta hija pajjiż newtrali u għalhekk il-pożizzjoni hija waħda ċara, li s-sovranità tal-pajjiżi għandha tkun rispettata skont il-liġi.