“Ma nistgħux niġġustifikaw lil xi ħadd li ħaraq bieb ta’ dar minħabba li ħa l-eroina”.
Dan kien kliem il-Prosekutur hekk kif saru l-aħħar sottomissjonijiet b’rabta mal-każ ta’ Martin Marco Baldacchino.
Baldacchino jinsab akkużat li f’Awwissu ta’ ħames snin ilu ħaraq bieb ta’ residenza ta’ familja fejn ir-raġel ġod-dar kien gwardjan fil-ħabs ta’ Kordin.
Nhar it-Tnejn li għadda, Baldacchino minn Ħaż-Żebbuġ weħel sittin jum ħabs talli ħalla lill-Imħallef jistenna fl-awla.
Iżda l-Ħamis, huwa kien fil-ħin, fl-iżbarra jisma’ l-avukat difensur tiegħu jiskuża ruħu f’ismu talli wera disprezz lejn il-Qorti.
Baldacchino ammetta l-akkużi miġjuba kontrih għaliex skont hu kien taħt l-effett tad-droga u s-sentenza mistennija tingħata fl-erbatax ta’ Diċembru.